L-MCAST tiċċelebra s-60 nazzjonalità li jżewquha

L-MCAST, li tilqa’ fi ħdanha studenti minn 60 nazzjonalità differenti, organizzat attivitajiet sabiex tiċċelebra Jum l-Ewrop u Jum id-Diversità. Dawn l-attivitajiet ġew organizzati fl-MCAST ta’ Raħal Ġdid.
Il-maġġoranza tal-istudenti għenu sabiex organizzaw u tellgħu attivitajiet, fosthom mużika u sport, preżentazzjonijiet kulturali kif ukoll logħob bil-ballun. Numru ta’ studenti li qed jistudjaw l-inġinerija elettronika, ippreżentaw uħud mill-proġetti tagħhom ukoll.
Il-viżitaturi kellhom l-opportunità li jduqu ikel tipiku ta’ bosta pajjiżi kif ukoll japrezzaw l-ilbies tradizzjonali li libsu l-istudenti.
Saru wkoll numru ta’ diskussjonijiet għall-okkażjoni ta’ Jum l-Ewropa sabiex jippromovu l-opportunitajiet ta’ karrieri u apprentistat madwar l-Ewropa.
L-eċċellenza tagħha, l-President Marie Louise Coleiro Preca, għamlet żjara waqt din l-attività, fejn iltaqgħet mal-istudenti u ġiet ippreżentata bi ktieb minn membru tal-istaff, Noel Cachia.