L-MCAST tħeġġeġ żgħażagħ, adulti u anzjani jitgħallmu l-coding

L-Istitut tal-ICT tal-MCAST u l-Fondazzjoni tal-E-Skills ikkollaboraw flimkien biex jiċċelebraw Code Week, parti mill-avveniment tal-Europe Code Week 2017 fejn ħafna nies interessati fl-IT għandhom l-opportunità joħolqu apps, websajts u ħafna affarijiet oħra permezz tal-coding.
 
Europe Code Week 2017 tiċċelebra l-fatt li ħafna nies kapaċi joħolqu sistemi permezz tal-code. L-idea hi li l-ipprogrammar isir iktar viżibbli, biex turi liż-żgħażagħ, lil adulti u anke lill-anzjani kif jistgħu joħolqu ideat permezz tal-coding u timmotivahom sabiex ​​jitgħallmu flimkien. 

Din l-inizjattiva ġiet imnedija fl-2013 mill-Young Advisors for the Digital Agenda Europe. It-tagħlim tal-coding huwa mod ta' kif wieħed jista’ jesplora ideat u l-ħolqien ta' soluzzjonijiet ġodda għax-xogħol u l-logħob. 
 
Din is-sena l-Code Week qed tiċċelebra l-ħames edizzjoni u sabiex timmarka dan l-avveniment, l-attivitajiet qed isiru fuq ġimagħtejn -se jibqgħu għaddejjin sat-22 ta' Ottubru.
 
Fl-2016, kważi miljun ruħ f'aktar minn 50 pajjiż madwar id-dinja ħadu sehem fil-Europe Code Week. Malta wkoll ħadet sehem b'suċċess f'din l-inizjattiva. Bħala parti mill-istrateġija tagħha għal Suq Uniku Diġitali, il-Kummissjoni Ewropea tappoġġja l-Europe Code Week u inizjattivi indipendenti oħra li għandhom l-għan li jsaħħu l-ħiliet diġitali, inkluż l-ipprogrammar, għal gruppi differenti.