L-MCAST tgħid li kienet tistenna appoġġ mill-MUT

Il-Bord tal-Gvernaturi tal-MCAST qal li kien jistenna appoġġ sħiħ mill-Unjin tal-Għalliema l-MUT dwar it-twaqqif ta’ Ombudsman għall-Kulleġġ u Uffiċċju fejn jintlaqgħu l-ilmenti.

Il-Bord qal dan b’rabta ma’ stqarrija tal-MUT li skont l-MCAST, naqset milli ssemmi l-iskop tat-twaqqif ta’ Ombudsman, biex kemm l-istudenti kif ukoll il-ħaddiema tal-MCAST ikollhom post fejn jesprimu dak li huwa ta’ tħassib għalihom.

L-MCAST iċċara li dan qed isir bl-għan ewlieni li tkompli titjieb il-kwalità għolja tat-tagħlim fl-MCAST kif ukoll bħala ambjent tax-xogħol.

Intqal li l-ilmenti u dak li jkun qed idejjaq lill-ħaddiema u studenti, tibqa’ prijorità u wara kollox, temmen li bl-istess mod l-MUT ukoll hija impenjata tħares id-drittijiet tal-ħaddiema li jaħdmu f’ambjent dinjituż.

Il-Bord tal-MCAST temm jgħid li l-proċess huwa trasparenti u ġust fejn l-Ombudsman tal-Kulleġġ mhux se jkun qed jieħu xi deċiżjonijiet jew iwettaq rakkomandazzjonijiet. Intqal li se jkun hemm ukoll proċess ta’ appelli li mbagħad jiġu indirizzati mit-tmexxija tal-MCAST skont il-bżonn.