L-MCAST jisħaq li l-protest ġudizzjarju mill-Kamra tal-Inġiniera hu inġust

Read in English.

Wara li l-bieraħ il-Kamra tal-Inġiniera ħabbret li ressqet Protesta Ġudizzjarja kontra l-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u Teknoloġija, MCAST, wara li skont hi l-istess kulleġġ ma rrattifikax il-pożizzjoni tiegħu fir-rigward tan-numru ta’ korsijiet relatati mal-professjoni tal-inġinerija, fi stqarrija ppublikata llum l-MCAST sostna li joġġezzjona għad-dikjarazzjonijiet li saru u għall-azzjoni meħuda mill-Kamra tal-Inġiniera jumejn biss qabel l-elezzjonijiet tal-Bord tal-Inġinerija.

Skont il-Kamra tal-Inġiniera fis-7 ta ‘Awwissu 2020 giet ippreżentata ittra legali lill-MCAST li kienet tiddeskrivi numru ta’ nuqqasijiet fir-rigward tal-professjoni tal-inġinerija. Dawn in-nuqqassijiet ma ġewx indirizzati u aċċettati mill-MCAST, qalet il-Kamra tal-Inġiniera.

Minn naħa tiegħu il-kulleġġ sostna li l-Kamra tal-Inġiniera hija infurmata sew li l-MCAST qed jaħdem mal-Bord tal-Inġinerija fuq il-provvediment ta’ korsijiet tal-inġinerija.

Il-Kulleġġ kompla jispjega kif il-korsijiet tal-MCAST huma miftuħa għal awditjar rigoruż mill-Bord tal-Inġinerija u bħalissa, ġiet assenjata ditta tal-awditjar Ġermaniża biex tissorvelja dawn il-programmi u l-Kamra tal-Inġiniera hija involuta matul dan il-proċess kollu.

Il-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u Teknoloġija saħaq li se jkompli jistinka biex ikun hemm kollaborazzjoni mal-partijiet interessati kollha filwaqt li jiżgura li l-offerta ta’ korsjiet tkun inklussiva u twassal għall-professjonijiet rilevanti għall-ħtiġijiet tal-industrija tal-lum.

Fl-istqarrija maħruġa l-Ġimgħa mill-Kamra tal-Inġiniera ngħad li l-Kamra kkontestat il-fatt li l-MCAST kien qed jippubblika korsijiet fl-inġinerija li jiksru ftehim preċedenti li kien sar bejn il-Bord tal-Professjoni tal-Inġinerija u l-MCAST.

Il-korsijiet in kwistjoni huma Bachelor of Engineering (Honours) in Electronics and Control Engineering – Top Up u Bachelor of Engineering (Honours) in Mechanical Engineering (Plant) – Top Up.

Il-Kamra tal-Inġiniera qalet li bħalissa, gradwati tal-MCAST li diġà ggradwaw f’dawn il-korsijiet mhumiex qed jiġu kkunsidrati mill-Bord tal-Professjoni tal-Inġinerija bħala eliġibbli għall-warrant biex jipprattikaw il-professjoni ta’ Inġinier.

Ingħad wkoll li il-Kamra kkontestat il-fatt li l-pubblikazzjoni ta’ dawn il-korsijiet hija skont hi rresponsabbli u qarrieqa għall-pubbliku ġenerali u li korsijiet ġodda, magħmulin minn 240 kredtu fil-livell 6 fl-Inġinerija diġà bdew mingħajr reviżjoni sħiħa mill-konsulenti esterni.

Saret anke referenza għall- Prospett tal-MCAST 2020/2021 li l-Kmara tal-Inġiniera qalet li jsemmi r-rwol ta’‘Inġinier’ bħala prospetti ta’ karriera fir-rigward ta’ korsijiet li mhumiex meqjusa bħala eliġibbli jew li għandhom x’jaqsmu ma’ warrant tal’inġinerija. L-użu ħażin tat-titlu “Inġ.” jew kwalunkwe forma ta’ indikazzjoni falza li wieħed huwa eliġibbli biex jeżerċita l-professjoni ta’ Inġinier imur kontra l-Att dwar il-Professjoni tal-Inġinerija, qalet il-Kamra tal-Inġiniera.