L-MCAST isellef 83 kompjuter lil studenti li m’għandhomx

Matul dawn l-aħħar ġimgħat, l-MCAST sellef 83 apparat elettroniku li jinkludi kompjuters, laptops u tablets lil studenti sabiex ikunu jistgħu jipparteċipaw fit-tagħlim online minn djarhom.

Billi l-iskejjel u l-istituzzjonijiet edukattivi għalqu f’Marzu minħabba l-imxija tal-coronavirus, l-MCAST qaleb immedjatament għat-tagħlim online. L-edukaturi kkomunikaw mal-istudenti li kienu nieqsa mill-klassijiet online u identifikaw lil dawk li ma kellhomx aċċess għal apparat diġitali.

L-MCAST għamel donazzjonijiet ukoll permezz tal-fond Help Me Succeed biex jappoġġja lill-istudenti li ma kellhomx it-tagħmir meħtieġ biex itemmu l-istudji tagħhom b’suċċess. Xi tagħmir qiegħed jiġi misluf ukoll mill-workshops u l-laboratorji tal-Kulleġġ biex jgħin lill-istudenti f’xogħol prattiku jew proġetti.

Il-Prinċipal u l-Kap Eżekuttiv tal-MCAST, Prof. Joachim James Calleja, iddeskriva din l-inizjattiva bħala sforz kollaborattiv bla heda mill-istaff amministrattiv u l-letturi sabiex l-ebda student ma jitħalla barra.

Il-Kunsill Studenti MCAST (KSM) laqa’ wkoll din l-inizjattiva u qal li bħala kunsill se jkompli jaħdem biex jiżgura komunikazzjoni kontinwa bejn l-istudenti, il-maniġment u l-amministrazzjoni anke f’dan iż-żmien meta l-istudenti mhumiex fuq il-kampus.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn