L-MCAST b’tattiċi infantili – MUT

Il-Unjin tal-Għalliema Maltin (MUT) qalet li l-MCAST tilef kull kredibbiità wara li uża tattiċi li l-unjin iddeskriviethom bħala “infatili” u li ma jagħmlu ġieħ lill-ebda istituzzjoni.
Ilbieraħ kelliema għall-MCAST ikkonfermat li l-Istitut se jkun qed iwaqqa’ l-każ fil-Qorti li kienet fetħet kontra l-MUT. Qalet li dan qed isir “b’sens ta’ rieda tajba” kif intqal aktar kmieni fi stqarrija oħra.
F’reazzjoni għal dan, illum l-MUT qalet li din il-mossa li turi kemm l-MCAST ma kellu l-ebda argument u kienet biss tattika biex ikaxkar saqajh għad-detriment tal-edukaturi. Skont il-Unjin, l-edukaturi jinsabu b'moral baxx minħabba l-kundizzjonijiet li għandhom u minħabba dawn it-tattiċi li skont il-unjin jikxfu l-manuvri sovversivi tal-kulleġġ.
Il-MUT kompliet tgħid li l-MCAST m'hu fl-ebda pożizzjoni li jagħmel kundizzjonijiet wara li tilef kull kredibbiltà.
Il-Unjin tal-għalliema temmet tgħid li qed tirriserva d-dritt tagħha li terġa’ tordna azzjonijiet industrijali, azzjoni li l-MCAST waqqfet permezz tal-Qorti.