L-MCAST b’tagħlim online għall-istudenti

L-MCAST ħabbar li se joffri opportunitajiet ta’ tagħlim online lill-istudenti fl-istituti kollha tiegħu. Din hija parti mill-inizjattivi meħuda mill-Kulleġġ b’reazzjoni għas-sitwazzjoni tal-coronavirus u biex jiżgura l-inqas tfixkil possibbli fit-tagħlim tal-istudenti.

Tul dawn l-aħħar ġimgħat, tim ta’ amministraturi u lekċerers fi ħdan l-MCAST ħadmu biex jieħdu azzjoni quddiem l-isfidi maħluqa minn COVID-19 lill-komunità edukattiva.

L-istudenti huma mħeġġa jkomplu jiffokaw fuq l-istudji tagħhom billi jaċċessaw riżorsi online, u korsijiet imħejjija mil-lekċerers. Intbagħtu linji gwida lill-istudenti u l-edukaturi kollha tal-MCAST biex jiffaċilitaw l-użu ta’ pjattaformi online. L-MUT ukoll approvat dan il-pjan ta’ azzjoni dwar l-użu volontarju tat-tagħlim online mill-għalliema.

Dan wara li nhar il-Ħamis li għadda, il-Gvern ħabbar li mill-Ġimgħa kellhom jingħalqu l-istituzzjonijiet edukattivi kollha sabiex jiġi evitat it-tixrid tal-coronavirus. Għalkemm f’Malta m’hawnx lockdown, il-Gvern avża sabiex kemm jista’ jkun, in-nies jibqgħu f’darhom jew jevitaw li joħorġu bla bżonn.

Stqarrija maħruġa mill-Kulleġġ tgħid li tul dawn l-aħħar snin, l-MCAST investa fis-sistema innovattiva għat-tagħlim online, li tippermetti lill-istudenti jattendu klassijiet mill-kumdità u s-sigurtà ta’ darhom, filwaqt li fl-istess ħin ikunu jistgħu jaraw lil-lekċerers u lil sħabhom tal-klassi, jirċievu informazzjoni, jaraw preżentazzjonijiet u jissottomettu x-xogħol tagħhom.

Lezzjonijiet online fl-oqsma tal-ICT, l-Arti Kreattiva, l-Inġinerija Mekkanika, l-Inġinerija Elettrika u l-Elettronika u s-Servizzi tal-Komunità, ilhom jiġu offruti bla ħlas lill-pubbliku ġenerali mill-2016 permezz tal-pjattaforma online tal-MCAST.

F’ittra lill-komunità tal-MCAST, il-Prinċipal James Joachim Calleja qal, “Aħna lkoll inħossu n-nuqqas ta’ kampus mimli attività u lezzjonijiet li jsiru wiċċ imb wiċċ. Madankollu, it-teknoloġija tippermettilna nibqgħu f’kuntatt. Huwa importanti li l-komunità tal-MCAST tibqa’ magħquda u konnessa fi żminijiet diffiċli bħal dawn.”

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn