L-MCA tniedi programm ġdid ta’ taħriġ fl-użu tal-kompjuters għall-anzjani

L-Awtorità ta’ Malta għall-Komunikazzjoni ħasset il-ħtieġa li tissieħeb mas-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjanità Attiva biex flimkien jibdew programm pilota ta’ taħriġ, li għandu l-għan li jgħin l-anzjani jiskopru l-benefiċċju tal-użu tal-internet u l-użu tal-midja soċjali.
Studju lokali juri li ‘l fuq minn 67% tal-Maltin li għandhom 55 sena jew aktar għadhom qatt ma għamlu użu mill-internet u mhux qed jibbenefikaw mit-teknoloġija tal-informazzjoni.
Fil-preżenza tas-Segretarji Parlamentari Josè Herrera u Justyne Caruana ġew imnedija sezzjonijiet ta’ laqgħat li se jiġu offruti f’seba’ Ċentri ta’ Matul il-Jum f’Malta.
Dawn is-sessjonijiet informattivi dwar l-internet għall-anzjani se jkunu bla ħlas għaliex huma iffinanzjati mill-Awtorità.
L-MCA flimkien mas-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjanità Attiva qed tħejji biex l-istess taħriġ jingħata wkoll f’Għawdex. 
L-għan aħħari tal-inizjattiva tal-MCA huwa li l-anzjani jagħrfu jintegraw it-teknoloġija fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum u jkunu jistgħu jagħmlu kuntatt aħjar u frekwenti ma’ qrabathom bl-internet.

Ritratt: DOI – Reuben Piscopo