L-MCA f’kampanja t’għarfien pubbliku fuq RTK

Laqgħa li saret fl-aħħar jiem bejn iċ-Chairman tal-Awtorità Maltija dwar il-Komunikazzjoni, MCA, u l-Kap tal-Istazzjon tar-Radju RTK, tat spazju għal skambju ta’ opinjonijiet dwar kif intlaqgħu sensiela ta’ interventi li numru ta’ uffiċjali tal-MCA għamlu fil-programm Għalina Lkoll fuq Radju RTK fl-aħħar xhur.
Għal-laqgħa, ingħaqdu wkoll l-uffiċjali tal-MCA li kienu responsabbli għall-interventi edukattivi fuq ir-Radju RTK, flimkien mal-Uffiċjal responsabbli għar-Relazzjonijiet Pubbliċi tal-istess Awtorità.
Iċ-Chairman tal-MCA, Dr Edward Woods, radd ħajr lil Radju RTK għall-kollaborazzjoni li wera mal-Awtorità bi spazju għal edukazzjoni pubblika dwar il-proġetti u l-ħidma tal-MCA b’risq is-soċjetà Maltija u l-iżvilupp diġitali f’pajjiżna.
Il-Kap tal-Istazzjon RTK, Karl Wright, esprima l-apprezzament tiegħu għall-impenn tal-MCA u qal li f’paralleliżmu mal-missjoni tal-Istazzjon li jeduka u jinforma, lest jibqa’ jikkollabora mal-Awtorità biex il-poplu Malti jifhem dejjem iżjed u japprezza dak li qed tagħmel l-MCA fl-avvanzi tas-soċjetà Maltija fil-qasam tal-komunikazzjoni.