L-MBB jilqgħu l-ftehim bejn l-UE u r-Renju Unit

File Photo

Read in English.

Il-Malta Business Bureau (MBB) laqgħet l-aħbar għall-ftehim ta’ kummerċ ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit, ġimgħa qabel ma spiċċa l-perjodi ta’ transizzjoni.

Fi stqarrija l-MBB qalet li l-ftehim jipprovdi aktar ċertezza legali u kundizzjonjiet  li minnhom jistgħu jibbenefikaw oqsma kummerċjali. Madankollu huma wissew li se jkun hemm diversi sfidi u tibdil li se jidħlu fis-seħħ la darba dan il-ftehim jiġi implimentat.

Huma fakkru lill-kumpaniji li se jidħlu f’negozju ma’ kumpaniji fir-Renju Unit li xorta waħda se jkun hemm xi tibdil fil-kundizzjonijiet minħabba li l-ftehim dwar kummerċ ħieles se jkun qiegħed jopera minn suq wieħed.

Dwar il-ftehim in ġenerali l-Malta Business Bureu laqgħet dan il-ftehim li ntleħaq bejn l-UE u r-Renju Unit, dak li wieħed se jibqa’ jinnegozja mingħajr tariffi żejda. Żiedu li l-konferma li kull mezz tat-trasport jista’ jkompli jopera mingħajr l-ebda interruzzjonijet u persuni li jżuru r-Renju Unit għall-perjodu qasir m’għandhomx bżonn visa.

Min-naħa l-oħra l-MBB kienet diżappuntata li r-Renju Unit ħalliet barra l-programm tal-Erasmus li minnu kienu jibbenefikaw eluf ta’ studenti fosthom Maltin li kienu jagħżlu li parti mill-isturdji tagħhom jagħmluha f’universitajiet fir-Renju Unit.

L-MBB ħeġġet lill-Gvern Malti biex jevalwa kif Malta tista’ tibbenefika mir-Riserva ta’ Aġġustament minħabba Brexit ta’ €5 biljun li ftehim dwarhom intleħaq mill-Kunsill Ewropew f’Lulju li għadda u issa ġie ppreżentat lill-Kummissjoni Ewropea biex tgħin minħabba l-impatt li l-kumpaniji u l-ekonomiji se jsofru wara li r-Renju Unit toħroġ mill-Unjoni Ewropea.