L-MBAA tistenna kjarifika dwar il-pakkett ta’ għajnuna finanzjarja

Read in English.

L-Assoċjazzjoni Maltija tan-Negozju tal-Avjazzjoni (MBAA) qalet li kkuntattjat lill-Ministru għat-Trasport Ian Borg, lill-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri u lid-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili fi ħdan Transport Malta kemm-il darba, sabiex tikkjarifika jekk il-membri tagħha jistgħux jingħataw l-għajnuna mogħtija mill-Gvern.

Stqarrija tal-Assoċjazzjoni tgħid li l-avjazzjoni tan-negozju huwa l-akbar settur fl-industrija tal-avjazzjoni f’Malta u jikkontribwixxi għall-eċċess ta’ €510 miljun bi 3,000 impjegat. L-MBAA insistiet fuq l-importanza li l-pakketti t’għajnuna tal-Gvern ikunu disponibbli għal iżjed minn 30 operatur, organizzazzjoni ta’ manutenzjoni, konsulenzi u taħriġ tal-avjazzjoni, u ta’ servizzi oħra anċillari.

L-istqarrija tgħid li bl-ajruporti madwar id-dinja magħluqin, in-negozju ċkien b’iżjed minn 75% u waqaf għalkollox għal xi wħud. Stqarret li hi infurmat lill-membri tagħha biex jissottomettu l-applikazzjonijiet għall-pakketti ta’ għajnuna. Qalet li minkejja l-isforzi tagħha għal kjarifika, ma kisbitx wisq informazzjoni.

Sadattant, il-membri tal-MBAA qegħdin joperaw titjiriet ta’ evakwazzjoni medika, u joffru għajnuna lill-Gvern anke f’titjiriet bil-merkanzija. Żiedet tgħid li tirrakkomanda li t-titjiriet tan-negozju jibqgħu joperaw lejn u barra minn Malta għal ripatrijazzjoni, evakwazzonijiet mediċi, titjiriet ta’ merkanzija u negozju essenzjali.