L-MBA tkeċċi lill-Bank Pilatus

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Bankiera (MBA) qalet li keċċiet b’effett immedjat lill-Bank Pilatus minħabba tħassib dwar l-aħħar avvenimenti.
Fi stqarrija qasira l-MBA qalet li wara li l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) ddeċidiet li tkeċċi s-sid tal-istess bank Ali Sadr Hasheminejad u biex ma jsirux aktar tranżazzjonijiet, il-bord tal-assoċjazzjoni ddeċieda li jieħu dal-pass.
Hasheminejad kien ġie arrestat fl-20 ta’ Marzu li għaddew fl-Istati Uniti, fejn qed jiġi akkużat li pparteċipa fi skema ta’ evażjoni tas-sanzjonijiet Amerikani kontra l-Iran billi uża l-Veneżwela biex jgħaddi €94 miljun, ekwivalenti għal $115 miljun mill-Istati Uniti għall-Iran.
L-MBA twaqqfet fl-1962 bħala grupp ta’ pressjoni fuq kwistjonijiet settorjali u politiċi fil-qasam tal-bankiera f’Malta.
Ftit tal-jiem ilu fi stqarrija l-MFSA qalet li ħatret lil Lawrence Connell bħala ‘Persuna Kompetenti’ biex tieħu ħsieb l-assi kollha tal-Bank Pilatus u biex jassumi kontroll tas-servizzi bankarji u servizzi ta’ investiment li għandu l-Bank.