Il-MAM tappella lill-ħaddiema fis-settur tas-saħħa jieħdu l-vaċċin

Read in English.

L-Assoċċjazzjoni Medika f’Malta appellat biex il-kulħadd jieħu l-vaċċin speċjalment lill-ħaddiema fis-settur tas-saħħa.

Fi stqarrija l-MAM qalet li tilqa’ l-approvazzjoni u d-distribuzzjoni tal-vaċċin kontra l-Covid-19 fl-Ewropa.

Il-MAM spjegat li skont stħarriġ li sar, minn tal-inqas 70% tar-residenti Maltin huma tal-fehma li jieħdu l-vaċċin u dan huwa inkorraġġanti meta wieħed jikkunsidra li fir-Renju Unit diġà tlaqqmu aktar minn nofs miljun persuna u fl-Istati Uniti aktar minn miljun persuna mingħajr ma kellhom problemi kbar.

L-Assoċċjazzjoni Medika f’Malta qalet li filwaqt li huwa aċċettat li għal bidu jibdew jingħataw 50 vaċċin kuljum sakemm jidħlu fis-seħħ il-proċeduri neċessarji, huma jistennew li l-ammont ta’ persuni jieħdu l-vaċċin kuljum jitla’ għal 300 kuljum. Żiedu li huma jistennew li dan in-numru jitla’ għall-eluf fil-ġimgħa meta tibda titlaqqam il-popolazzjoni.

Il-MAM temmet li min-naħa tagħha tistenna li l-ħaddiema fis-settur tas-saħħa jkunu kollha ħadu l-ewwel doża tal-vaċċin fl-ewwel ġimagħtejn u t-tieni doża fl-ewwel ħames ġimgħat. Huma ħeġġew lill-membri tagħhom biex jieħdu l-vaċċin u lil-Gvern biex ikun effiċjenti biex ileħħaq mad-domanda.

Ilbieraħ Rachel Grech kienet l-ewwel persuna li tlaqqmet kontra l-Covid-19 f’Malta. Hija qalet li billi kienet l-ewwel li ħadet il-vaċċin, riedet tagħti messaġġ lill-Maltin biex jiħduh.