L-LSE2s se jieħdu “dak li ħaqqhom” – MUT

L-LSE2s issa se jkunu qed jieħdu l-arretrati kollha dovuti lilhom wara li s-salarju tagħhom se jiġi aġġustat. Dan ġie kkonfermat fi stqarrija mill-Union Maltija għall-Għalliema (MUT).

L-MUT spjegat li dalgħodu kienet lesta biex iddaħħal il-każ tal-grievance mal-uffiċċju tal-Prim Ministru dalgħodu. Qalet li fil-pront, ġiet ikkuntattjata mis-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Edukazzjoni li talbet għal laqgħa sabiex tinstab soluzzjoni u tiġi evitata l-proċedura.

Il-laqgħa urġenti saret dalgħodu kmieni u l-qbil kien dan:

  • L-LSE2s li ġew appuntati fl-2017 se jitilgħu minn skala 12 step 1 għal step 3 mid-data ta’ meta ġew appuntati (back-dated). Dan ifisser li dawn l-LSE2s kollha konċernati se jkollhom is-salarju aġġustat mill-2017, bl-arretrati kollha dovuti. Dan ifisser ukoll li fl-2020 dawn l-LSEs se jkunu skala 12 step 6 flok step 4.
  • Bl-istess mod, LSE2s li ġew appuntati fl-2018 se jieħdu skala 12 step 3 (minflok step 1) mid-data li fiha ġew appuntati (back-dated) inkluż l-arretrati. B’hekk, fl-2020 dawn se jkunu skala 12 step 5 flok 12 step 3.

L-MUT qalet li dan jissodisfa dak li kienet qed titlob hi u li issa se ssir ġustizzja b’kulħadd jieħu l-iskala u l-istep tiegħu. Qalet li b’hekk qed tistenna li l-LSE2s kollha jirċievu dak kollu dovut lilhom mill-aktar fiss possibli. Qalet ukoll li d-direttiva konnessa ma’ din il-problema, jiġifieri dik dwar l-IEPs qed tiġi irtirata.

Wara l-ftehim settorjali li għadda, kienet inħolqot inġustizzja mal-LSE2s, dan hekk kif dawn tħallsu inqas minn kemm suppost kien dovut lilhom għal sentejn. L-Union għall-Għalliema Professjonali (UPE) qalet li kienet hi l-ewwel union li tkellmet dwar dan. Dalgħodu, l-UPE ħabbret li kienet kitbet ittra uffiċjali lill-Uffiċju tal-Prim Ministru fejn formalment qalet li jekk ma tittieħed l-ebda azzjoni fi żmien 14-il jum kienet se tibda azzjoni legali dwar il-każ.

“Rebħa oħra għall-UPE”

Min-naħa tagħha, il-UPE qalet li hi rnexxielha tirranġa l-inġustizzja fuq l-LSEs maħluqa mill-MUT u l-MEDE, permezz ta’ theddida li għamlet li tressaq il-każ quddiem il-qrati tal-ġustizzja.

Stqarret li d-direttivi tagħhom se jibqgħu fis-seħħ sakemm l-LSE2s milquta jibdew jirċievu l-paga tagħhom kif suppost.

“It-tibdiliet se jibdew minnufih”

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol ħabbar li għalaq kwistjoni b’rabta mal-Learning Support Assistants II biex b’deċiżjoni li ħa se jkunu qed igawdu madwar 400 LSE.  

Il-Ministeru qal li bis-saħħa ta’ din id-deċiżjoni, li l-amministrazzjoni qed tieħu fl-interess tal-madwar 400 LSE, dawn l-uffiċjali se jkunu qed igawdu minn aġġustamenti li jmorru lura mill-2017 u mill-2018 rispettivament, skont il-każ. L-amministrazzjoni qed tieħu ħsieb li dawn l-aġġustamenti jsiru minnufih.