L-iżviluppi fl-Italja qed jieħdu xejra allarmanti – Conte

Conte-2

Nhar it-Tnejn, il-Prim Ministru Giuseppe Conte qal li l-Italja se ssaħħaħ ir-restrizzjonijiet tal-COVID imma qed iżżomm lura milli terġa’ tintroduċi lockdown nazzjonali, hekk kif l-infezzjonijiet, l-ammissjonijiet fl-isptar u l-għadd ta’ mwiet qed ikomplu jiżdiedu.

Conte qal lill-parlament li huma meħtieġa miżuri aktar stretti minħabba l-firxa rapida tal-virus, inkluż it-tnaqqis ta’ vjaġġar bejn ir-reġjuni li huma milquta l-agħar, u curfew matul il-lejl.

L-għadd ta’ infezzjonijiet ta’ kuljum fl-Italja żdied b’10 darbiet matul dan l-aħħar xahar, u żamm l-għadd ta’ madwar 30,000 f’dawn l-aħħar ġranet, filwaqt li l-ammissjonijiet fl-isptarijiet, l-għadd ta’ persuni fil-kura intensiva u l-imwiet ilkoll żdiedu b’rata inkwetanti.

“Minkejja l-isforzi tagħna … l-iżvilupp tal-pandemija f’dawn l-aħħar ġranet huwa allarmanti,” qal Conte waqt li wissa li l-unitajiet ta’ kura intensiva fi 15 mill-20 reġjun tal-Italja kienu se jiffaċċjaw problemi ta’ spazju sax-xahar id-dieħel jekk ma titteħidx azzjoni aktar stretta.

“Irridu nintervjenu b’miżuri aktar stretti,” qal lill-Kamra tad-Deputati u kompla jgħid li l-pajjiż kien se jinqasam fi tliet partijiet skont il-livell ta’ riskju, u ċerti żoni kien se jkollhom restrizzjonijiet aktar stretti minn oħrajn.

L-Italja, l-ewwel pajjiż Ewropew li ntlaqat tassew ħażin mill-virus, irreġistra aktar minn 38,000 mewta minn meta faqqa’ l-virus għall-ewwel darba fi Frar, it-tieni l-ogħla rata ta’ mwiet fil-kontinent wara l-Ingilterra.

Dawn l-aħħar miżuri se jkunu inklużi f’digriet tal-gvern li se jinħareġ fil-jiem li ġejjin, ir-raba’ digriet ta’ dan it-tip li ġie adottat f’anqas minn xahar hekk kif Conte progressivament qed iżid l-isforzi tiegħu biex iwaqqaf il-pandemija, iżda mingħajr suċċess. 

Huwa ma spjegax eżattament liema miżuri kienu se jiġu imposti fuq iż-żoni li huma milquta l-agħar, imma qal li restrizzjonijiet aktar stretti madwar il-pajjiż kienu se jinkludu l-għeluq ta’ ċentri tax-xiri matul tmiem il-ġimgħa, u t-tnaqqis fil-limitu ta’ persuni li jistgħu jużaw it-trasport pubbliku minn 80% għal 50%.

Hu ħabbar ukoll li se jkun hemm curfew bil-lejl madwar il-pajjiż kollu, imma ma qalx meta dan se jidħol fis-seħħ.

Gyms, ċinema u teatri diġà huma magħluqa madwar l-Italja kollha, il-bars u r-ristoranti jridu jagħlqu fis-6 ta’ filgħaxija, ma jistgħux jiltaqgħu aktar min sitt persuni fid-djar u l-maskli huma obbligatorji barra u f’binjiet pubbliċi.

Conte qal li kien konxju li r-restrizzjonijiet il-ġodda kienu se jkunu ta’ dannu għan-negozji fi żmien meta dawn kienu qed jirkupraw mill-ewwel lockdown tal-pajjiż li sar bejn Marzu u Mejju, imma l-protezzjoni tas-saħħa pubblika kienet l-uniku mod kif jista’ jgħin lill-ekonomija fuq żmien medju.

“Aktar ma nkunu effettivi biex innaqqsu r-rata ta’ kontaġjon, aktar se nkunu nistgħu nirrilassaw ir-restrizzjonijiet malajr, u b’hekk nevitaw deterjorament mhux sostenibbli tal-ekonomija u l-ħajja soċjali tagħna,” temm jgħid.