“L-iżviluppi fl-assassinju ta’ Daphne bis-saħħa tal-Europol”

Inqatlet minħabba l-korruzzjoni - Metsola

Il-Kummissarju Ewropew għall-Intern Ylva Johansson qalet li kien hemm żviluppi fl-investigazzjoni b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia grazzi għall-Europol.

Johansson qalet dan waqt dibattitu fil-Parlament Ewropew li fih issemmiet is-sitwazzjoni politika ta’ Malta. Johansson kienet qed taffaċċja għadd ta’ mistoqsijiet dwar temi differenti minn għadd ta’ MEPs. Bdiet it-tweġibiet tagħha billi tkellmet dwar dak li qed jiġri f’Malta.

“Ninsab konċernata ħafna dwar l-aħħar żviluppi f’Malta,” qalet Johansson li kkundannat il-qtil ta’ Caruana Galizia.

Saħqet li l-Europol kellha rwol important ħafna fl-investigazzjoni biex din setgħet tasal s’hawn. Żiedet tgħid li l-Europol tipprovdi valur addizzjonali biex ikunu jistgħu jissolvew każi kumplessi u importanti.

“Naqbel li l-korruzzjoni jkollha l-vittmi,” qalet Johansson. Tkellmet dwar min mill-kollegi tagħha huma l-aktar li għandhom x’jaqsmu ma’ dak li qed jiġri f’Malta però qalet li kollha qed isegwu x’qed jiġri.

Inqatlet minħabba l-korruzzjoni – Metsola

L-MEP Nazzjonalista Roberta Metsola li kienet preżenti għad-dibattitu qalet li l-korruzzjoni jkollha l-vittmi. Dan b’referenza għall-qtil ta’ Caruana Galizia.

Metsola qalet li Caruana Galizia inqatlet 784 jum ilu wara li kixfet abbużi fl-ogħla livelli ta’ poter f’Malta. Fakkret li hi investigat ukoll il-bejgħ tal-passaporti li ffaċilitaw il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus. Metsola saħqet li dan ġab riskju għas-sigurtà tal-UE.

Fi kliem Metsola s-sitwazzjoni f’Malta hija waħda ta’ tensjoni bi protesti kważi kuljum. Tkellmet ukoll dwar il-protesta li saret fl-uffiċċju tal-Prim Ministru dalgħodu mill-Moviment Graffitti.

X’inhi l-Europol?

Il-Europol hija l-aġenzija tal-infurzar tal-liġi tal-Unjoni Ewropea. Il-Europol tgħin lill-pajjiżi kollha tal-UE fl-aktar reati kriminali serji tagħhom.

Il-kummenti ta’ Johansson bl-Ingliż: