L-iżviluppaturi ta’ Townsquare “iddiżappuntati” bid-deċiżjoni tat-tribunal

Kelliem għall-proġett ta’ Townsquare f’Tas-Sliema qal li huma ddiżappuntati bid-deċiżjoni li ttieħdet ilbieraħ mit-Tribunal għall-Ambjent u l-Ippjanar, għax dejjem mexa mar-regolamenti imposti mill-Awtorità tal-Ippjanar (PA).
Ilbieraħ it-tribunal laqa’ t-talba ta’ numru ta’ għaqdiet mhux governattivi, u bagħat minn fejn ġie l-proġett tat-torri ta’ Townsquare, jiġifieri lill-Awtorità tal-Ippjanar.
Intqal li hemm bżonn assessjar ġdid biex ikun konformi mal-Proporzjon tal-Arja tal-Art.
Il-proġett, li jiswa madwar €100 miljun, hu propost minn Gasan, u kien ġie approvat bi ftit f’Settembru ta’ sentejn ilu. Dakinhar kien hemm appelli differenti minn entitajiet separati, bħall-Kunsill Lokali ta’ tas-Sliema, Din l-Art Ħelwa, Flimkien għal Ambjent Aħjar, u NGOs oħra.
Fost l-oħrajn jinkludi 159 appartament residenzjali mqassmin f’torri ta’ 38 sular, 750 parkeġġ, u art ta’ 12,000 metru kwadru għall-pubbliku, li jkun fiha bosta ħwienet u nħawi ta’ divertiment.
Min-naħa tagħhom, Townsquare qalu li jridu jagħmlu mis-sit mitluq f’tas-Sliema żvilupp li jmur ma’ stil ta’ ħajja tal-aqwa klassi, u mistennija jiltaqgħu mal-PA l-ġimgħa d-dieħla.
Temmew jgħidu li se jagħmlu dak kollu possibbli biex il-proċess jibqa’ għaddej.