L-iżviluppaturi jridu “miżuri robusti” għal “ekonomija bi sfidi kbar”

L-iżviluppaturi jridu “miżuri robusti” għal “ekonomija bi sfidi kbar” minħabba l-pandemija. Hekk qalet Marthese Portelli, id-Direttur Ġenerali tal-Malta Developers Associations waqt laqgħa mal-Prim Ministru Roberta Abela.

F’laqgħa mal-Prim Ministru, il-Kunsill tal-MDA ippreżenta sett ta’ proposti biex jiġu kkunsidrati mill-Gvern fil-preżentazzjoni tal-Baġit. Qalu li l-15-il proposta tal-MDA huma mmirati li jibbenefikaw lil kulħadd, mill-kbir saż-żgħir, filwaqt li jwasslu għal iżjed kunfidenza fis-suq u l-ekonomija, fi żminijiet bla preċedent, minħabba l-imxija tal-pandemija Covid-19.

“F’mumenti diffiċli bħal dawn, jeħtieġ rispons b’saħħtu u straordinarju”

Dr Marthese Portelli

Fost il-proposti hemm:

  • Estensjoni u emendi fl-inċentivi l-ġodda li ddaħħlu wara l-Covid-19 konnessi ma’ tnaqqis tal-boll u taxxi fuq il-kapital (capital gains) għall-benefiċċju kemm tal-bejjieh kif wkoll tax-xerrej,
  • Introduzzjoni ta’ għotjiet lil kulħadd fuq kull tip ta’ xogħol ta’ rinnovar ta’ faċċati, titjib intern u rranġar ta’ binjiet u installazzjoni ta’ aktar faċilitajiet favur l-ambjent bħala huma green roofs u roof gardens, u
  • Tiġdid tal-iskema tal-First Time Buyer u żieda tal-limiti konnessi għal €200,000.

Il-President tal-MDA Sandro Chetcuti qal li minkejja li ż-żminijiet li ninsabu għaddejjin minnhom huma iebsa u bla preċedent, l-industrija tal-kostruzzjoni wriet, għal darb’ oħra, kemm hi b’saħħitha. Qal li minkejja li l-pajjiż jinsab f’nofs maltempata ekonomika kbira, l-industrija tal-propjetà baqgħet iddawwar ir-rota mingħajr il-bżonn ta’ interventi finanzjarji diretti min-naħa tal-Gvern.

Fi preżentazzjoni dettaljata tal-proposti, id-Direttur Generali tal-MDA, Marthese Portelli, qalet li dawn huma frott ta’ konsultazzjoni wiesgħa mas-setturi varji rappreżentati mill-assoċjazzjoni. Dr Portelli saħqet li filwaqt illi wħud mill-proposti jistgħu jinstemgħu radikali, pero hemm bżonn illi wieħed jifhem illi fiż-żminjiet li qed ngħixu fihom jittieħdu miżuri b’saħħithom u robusti, għax hekk jeħtieġ biex l-ekonomija tiffaċja l-isfidi kbar li għandha.

Taqbel mal-proposti tal-iżviluppaturi?
Ikkummenta hawn taħt jew ibagħtilna fuq info@newsbook.com.mt