L-iżviluppatur tal-villa kontroversjali fil-Qala jipprova jirtira l-applikazzjoni

Miguela Xuereb

L-iżviluppatur Joseph Portelli li ngħata l-permess sabiex jibni villa kontroversjali fiż-żona Ta’ Muxi fil-Qala pprova jirtira l-applikazzjoni hekk kif kien se jibda jinstema’ l-appell, appell meħud mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA).

Fi stqarrija mill-Kunsill Lokali tal-Qala, is-Sindku Paul Buttigieg li fid-data li kellu jibda jinstema’ l-appell, ġie dikjarat li l-iżviluppatur ma wettaqx dak li kellu jagħmel wara li kien inħareġ il-permess, allura l-permess ġie rtirat.

F’Novembru li għadda, l-iżviluppatur Għawdxi Joseph Portelli rrinunzja l-permess mogħti mill-Awtorità tal-Ippjanar għall-bini ta’ villa f’nofs l-għelieqi fuq art ‘il barra miż-żona tal-iżvilupp. Stqarrija maħruġa mill-Ministeru għall-Ambjent f’Diċembru kienet qalet li l-ERA kellha tappella dan il-permess sabiex jitneħħa l-preċedent li ġie kkreat meta ngħata tali permess.

Dan l-iżvilupp qala’ kritika qawwija mill-Kunsill Lokali tal-Qala u mill-organizzazzjoni Din l-Art Ħelwa.

Il-Kunsill staqsa x’wassal biex l-iżviluppatur ibiddel fehemtu, u għaliex applikazzjoni bħal din tħalliet tasal sa dan l-istadju, billi ħolqot spejjeż kbar u użu ta’ riżorsi.

Il-Kunsill Lokali rringrazzja lill-Avukati Claire Bonello u Tara Cassar, u qal li beħsiebu jibqa’ jiddefendi l-Qala minn dan l-attakk fuq il-patrimonju naturali.

Ta Muxi Great NewsDEVELOPER TRIES TO WITHDRAW CONTROVERSIAL QALA APPLICATION AS APPEAL IS ABOUT TO BEGINThe…

Posted by Qala Local Council – Kunsill Lokali Qala on Tuesday, June 2, 2020

Żvilupp kontroversjali ieħor fil-Qala huwa dak ta’ 165 appartament f’art f’żona ‘l barra mill-iżvilupp. Għaldaqstant, il-Kunsill Lokali fetaħ rikors kontra l-bini ta’ dawn l-appartamenti.