“L-iżvilupp tas-sistema kif jinżammu l-kotba tal-Gvern hu prijorità”

Il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna sostna li l-iżvilupp ta’ sistema ta’ kif jinżammu l-kotba ta’ xi jdaħħal u x’jonfoq il-Gvern hu prijorità reali għall-Gvern.
Il-Ministru qal dan waqt li kien qed jindirizza s-sessjoni plenarja tal-ftuħ tal-15-il konferenza ta’ kull sentejn, li għaliha jattendu netwerk ta’ akkademiċi bil-għan li jippromwovu d-diskussjoni u r-riċerka dwar il-kontabiltà pubblika komparattiva.
Prof. Scicluna saħaq li l-ħtieġa li jkollna kontabiltà pubblika xierqa ilha fuq l-aġenda nazzjonali għal bosta snin. Spjega li Malta daħlet għal proġett ambizzjuż ħafna li se jirrivoluzzjona drastikament is-sistema preżenti.
Saħaq li se tkun qed tiżdied it-trasparenza, jissaħħaħ l-obbligu li jingħata rendikont lin-nies, u jitjieb it-teħid tad-deċiżjonijiet.
Il-Ministru qal li bħalissa t-Teżor qed iwettaq ristrutturar tal-funzjonijiet tiegħu, bil-ħolqien ta’ unità li se tkun responsabbli mill-funzjonijiet tal-metodoloġija taż-żamma tal-kotba u tar-rappurtar finanzjarju.
Ritratt: DOI