L-iżvilupp tal-Mensija mhux approvat

Żvilupp f’tal-Lanzu, Triq is-Santwarju f’San Ġwann ma ġiex aċċettat mill-Awtorità tal-Ippjannar (PA). L-iżvilupp kien se jsir fl-inħawi tal-Kappella tal-Mensija.

Dan l-iżvilupp kien qed jipproponi li jitwaqqgħu strutturi qodma li diġà hemm, u li jiġi skavat post għall-parkeġġ, uffiċċji tal-Klassi 4A, postijiet ta’ residenza bil-ġonna u pools, u appartmenti.

Il-ġimgħa l-oħra, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ħarġet Ordni ta’ Konservazzjoni u Avviż ta’ Protezzjoni fil-Mensija, limiti ta’ San Ġwann. Din ġiet iddikjarata bħala Żona Speċjali ta’ Importanza Ġeoloġika. Dan minħabba l-għerien li qiegħdin fil-viċinanzi, u kif ukoll l-inklinazzjoni wieqfa tas-sinkhole naturali, waħda mill-ftit li jeżistu f’Malta, imsejjħa ukoll bħala Maqluba. L-ERA nnutat li l-għoli tal-iżvilupp se joħloq dell kbir fuq siġar li jiddependu fuq ix-xemx biex jgħixu, u fuq l-impatt viżiv ta’ xiħaġa li qisha lukanda kbira f’komunità żgħira.

F’kumment lil Newsbook.com.mt, is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta qal li l-kappella mibnija fuq għar kbir ħafna li huwa fraġli ħafna. Michael Pace Ross spjega li l-kappella hija wkoll ta’ valur storiku, u stieden lill-pubbliku jmur jarah. Spjega kif l-iżvilupp kieku kien se jħalli impatt kbir fuq l-ambjent tal-madwar.

Minn naħa tiegħu, is-Sovrintendenza  tal-Wirt Kulturali kienet ukoll qalet li jekk l-iżvilupp isir, kienet se thedded wirt storiku.