“L-iżvilupp propost mill-AUM kontra l-Pjan Lokali” – KA

Il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (KA) qalet li l-applikazzjoni tal-estensjoni tal-Universtià Amerikana ta’ Malta (AUM) tmur kontra l-qafas tal-ippjanar tal-Pjan Lokali tal-Port il-Kbir. Dan minbarra li hi ta’ dannu għas-saħħa u l-kwalità tal-ħajja tar-residenti tal-Kottonera.

Fi stqarrija, il-KA ikkwotat il-Pjan Lokali tal-Port il-Kbir li bil-Policy GP07 jgħid:

“Ġeneralment, bini u strutturi ma jistgħux idallmu jew jiddominaw fuq is swar. Strutturi “ingumbranti”, li jaqbżu l għoli tal bini preżenti, normalment ma jiġux aċċettati. Madankollu f’każijiet speċifiċi, jista’ jkun li jiġu aċċettati minħabba bżonn neċessarju ta’ livell prestiġġjuż u kulturali. Iżda din hi sitwazzjoni li mistennija ssir rarament, jekk mhux xejn.”

Aqra: Filmat: “Se jibnulna l-ħajt tal-Ġordan” – Dimostranti f’Bormla

Il-KA qalet li temmen li l-proġett propost hu eżempju ċar li l-ippjanar f’Malta qiegħed fil-periklu li jservi dejjem aktar l-interessi tal-ftit, u mhux l-interess pubbliku tal-komunità kollha. Sostniet li l-applikazzjoni li qed titlob wħud mill-ftit spazji miftuħa li hemm fil-qalba tal-Kottonera sabiex takkomoda faċilitajiet għall-AUM, hija eżempju ċar ta’ dawn il-perikli. “Meta hemm tant dubji dwar il ħtieġa u l utilità ta’ dawn il faċilitajiet, u meta jidher ċar li mhumiex fl aħjar interess tal komunitajiet tal Kottonera, wieħed jitħasseb mhux ftit dwar lil min sewwasew qed iservi l ippjanar f’pajjiżna,” kompliet il-KA.

Intant, esprimiet is-solidarjetà tagħha mar-residenti tal-Kottonera li qed isemmgħu leħinho biex iħarsu l-ambjent tal-inħawi għat-tgawdija kemm tal-ġenerazzjoni tal-lum, kif ukoll ta’ dawk futuri. Appellat sabiex jirrenja s-sens komun u l-ġid komuni, filwaqt li ttamat li dan il-permess ma jingħatax.

Propju l-Ħadd li għadda, ir-residenti tal-Kottonera ngħaqdu flimkien f’dimostrazzjoni kontra dan l-iżvilupp propost. Id-dimostrazzjoni li bdiet għall-ħabta tal-11am rat lir-residenti jesprimu l-inkwiet tagħhom, partikolarment li l-applikazzjoni għall-estenzjoni tal-AUM għadha qed tiġi rakkomandata għall-approvazzjoni mill-case officer tal-Awtorità tal-Ippjanar.