“L-iżvilupp ma jridx isir billi tiġi sfruttata l-art” – Grech lill-MDA

20202910-PN-Photo-MDA-1

Read in English.

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-Gżejjer Maltin għandhom ikunu attraenti u sbieħ fejn isir l-iżvilupp u għandu jissebbaħ ukoll l-ambjent personali. Dan ma għandux isir billi tiġi sfruttata l-art.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal dan fl-laqgħa mad-delegazzjoni tal-Assoċċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin (MDA).

Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li f’din il-laqgħa ġiet diskussa l-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista li hija mibnija fuq 12-il pilastru li fiha żżomm il-persuna fiċ-ċentru tal-politika. Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-MDA hija waħda mill-imsieħba soċjali li magħha l-Partit Nazzjonalista jrid li jwettaq il-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista. F’dan ir-rigward il-viżjoni tal-PN hija l-pajjiż jiżviluppa ‘il quddiem b’mod li Malta tingħata iktar valur u mhux li tiġi sfruttata l-art.

Grech semma li l-persuna umana għandha tkun fiċ-ċentru tal-politika billi jsir patt soċjali mal-imsieħba soċjali kollha biex jissaħħu l-individwi, jissaħħaħ l-investiment fil-persuni, l-investiment fin-negozji għal dawk li jixtiequ jinvestu.

Il-President tal-MDA Sandro Chetcuti awgura lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-kariga tiegħu bħala Kap tal-Oppożizzjoni u qal li se jkun qiegħed iressaq proposti għad-diskussjoni għal-kwalità ta’ ħajja aħjar. Chetcuti qal li matul l-aħħar 10 snin l-Assoċċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin kibret minn grupp żgħir għal aktar minn 1,000 membru li jinkludu żviluppaturi, kuntratturi, aġenti, sidien tal-kera u tal-barrieri kif ukoll persuni li jipprovdu enerġija alternattiva.