“​L-Iżvilupp Integrali hu t-triq li l-familja umana trid itterraq” – il-Papa

Il-Papa Franġisku f’udjenza mad-delegati ta’ konvenzjoni organizzata mid-Dekasteru għall-Promozzjoni tal-Iżvilupp Integrali, li għadha kif inħolqot fil-Vatikan spjega li l-Iżvilupp Integrali hu t-triq li l-familja umana trid itterraq, b’paċenzja u konsistenza, akkumpanjata minn Kristu.
Il-Konvenzjoni  li nżammet nhar it-Tnejn u t-Tlieta saret  fl-okkażjoni tal-50 anniversarju tal-Enċiklika Populorum Progressio tal-Papa Pawlu VI.
Franġisku qal li kien il-Papa Pawlu VI li fl-enċiklika tiegħu ikkjarifika dettaljatament xi jfisser “żvilupp sħiħ” u kien hu li ppropona il-formula konċiża u preċiża: “L-iżvilupp ta’ kull bniedem u tal-bniedem sħiħ”.
Fl-indirizz tiegħu il-Papa staqsa xi jfisser “żvilupp integrali” illum u fil-futur qrib. Spjega li fil-verb “biex tintegra” li hu ferm għal qalbu, wieħed isib l-orjentament fundamentali tad-dikasteru l-ġdid li ħoloq.
Fl-indirizz tiegħu il-Papa Franġisku spjega li:
Integrazzjoni tal-popli diversi tad-dinja.  Is-solidarjeta’ titlob minnha li nfittxu modi ġusti li naqsmu l-ġid, biex ma jibqax ikun hemm l-inugwaljanza drammatika bejn dawk li għandhom ħafna u dawk li ma għandhom xejn, bejn dawk li jarmu u dawk li huma mormija. Hi biss l-integrazzjoni bejn il-popli li jista’ jwassal lill-umanita’ għal future fil-paċi u t-tama.
Noffru mudelli vijabbli ta’ integrazzjoni soċjali. Kulħadd għandu kontribut x’jagħti lis-soċjeta’, kulħadd għandu xi ħaġa speċjali li jista’ jservi biex ngħixu flimkien, u ħadd m’hu eskluż milli jikkontribwixxi xi ħaġa għall-ġid ta’ kulħadd. Dan hu dritt u dover. Il-prinċipju tas-sussidjarjeta’ jiggarantixxi l-ħtieġa li kulħadd jikkonribwixxi, kemm individwi kif ukoll gruppi, jekk iridu noħolqu soċjeta’ umana miftuħa għal kulħadd, fisser il-Papa.
Integrazzjoni fl-iżvilupp tal-elementi kollha li fuqhom hi mibnija l-integrazzjoni. Is-sistemi differenti: l-ekonomija, il-finanzi, ix-xogħol, il-kultura,  il-ħajja tal-familja u r-reliġjon huma kollha kompnenti essenzjali għall-iżvilupp. Ebda wieħed minn dawn l-elementi ma hu assolut bħalma ebda wieħed ma jista’ jkun eskluż mill-kunċett ta’ żvilupp uman integrali li jqis li l-ħajja hi bħal orchestra li tinstema’ tajjeb meta l-istrumenti differenti jimxu f’armonija fuq partitura li hi l-istess għal kulħadd.
Integrazzoni tad-dimensjonijiet individwali u komunitarji. Veru li aħna ulied ta’ kultura, almenu fil-Punent, li eżaltat lill-individwu sal-punt li għamlitu qisu gżira, bħallikieku waħdu jista’ jkun ferħan. Min-naħa l-oħra hemm veduti ideoloġiċi u poteri politiċi li farrku lill-bniedem u ċaħħduh minn dik il-liberta’ li mingħajrha ebda persuna ma’ tista’ tħossha umana. Din l-istandardizazzjoni tal-bniedem hi dovuta għall-poteri ekonomiċi li jridu jieħdu vantaġġ mill-globalizazzjoni flok jinkoraġixxu tqassim aħjar fost il-popli, biex joħolqu suq globali li jmexxu kif iridu u jieħdu l-frott tiegħu.  Il-“jien” u l-“komunità” ma għandhomx ikunu f’kompetizzjoni bejniethom. Il-“jien” jista’ jimmatura biss fejn hemm relazzjonijiet awtentiċi u l-komunita’ tikber meta l-membri tagħha huma flimkien u individwali. Dan japplika aktar u aktar għall-familja li hi l-ewwel ċellula tas-soċjeta’ fejn nitgħallmu ngħixu flimkien.
Finalment, spjega l-Papa Franġisku, hemm l-Integrazzjoni tal-Ġisem u r-Ruh. Hu qal li Pawlu VI kien qal li l-iżvilupp ma jistax’ ikun ridott għas-sempliċi tkabbir ekonomiku. L-iżvilupp mhux li jkollok aktar u aktar affarijiet li jwasslu biss għal ġid materjali. Integrazzjoni tal-ġisem u r-ruh tfisser li ebda żvilupp ma’ jista’ jilħaq l-iskop tiegħu jekk ma jagħtix post fejn Alla jkun preżenti u jkellimna f’qalbna.
Alla għarrafna lilu nnifsu permezz ta’ Ġesu’ Kristu: Fih, Alla u l-bniedem mhux mifruda u separati. Alla sar bniedem biex mill-ħajja umana personali u soċjali, jagħmel patt konkret ta’ salvazzjoni.
“Għalhekk il-manifestazzjoni ta’ Alla fi Kristu – inkluż il-fejqan, il-liberazzjoni u r-rikonċiljazzjoni li llum aħna msejjħa biex noffru lil tant persuni midruba li tħallew fil-periferiji – juru t-triq u l-mod ta’ servizz li l-Knisja trid toffri lid-dinja.  F’dan id-dawl hu possibbli nifhmu xi jfisser Żvilupp Integrali – żvilupp li ma jweġġgħa la lil Alla u anqas lill-bniedem”.
“F’dan is-sens, il-kunċett ta’ bniedem imwieled u maturat fil-Kristjaneżmu, jgħina naslu għal żvilupp uman sħiħ. Għax “bniedem” tfisser relazzjoni mhux individwaliżmu; tafferma l-inklużjoni mhux l-esklużjoni, dinjita’ unika u mhux esplojtazzjoni, ħelsien mhux sfurzar u theddid.”
“Il-Knisja qatt ma tgħajja toffri l-għerf u l-ħidma tagħha lid-dinja għax taf li l-iżvilupp integrali hu t-triq tas-sewwa li l-familja umana hi msejjħa biex itterraq.  Dan nistgħu naslu għalih bil-paċenzja u l-konsistenza bil-konvinzjoni li Alla jakkumpanjana”, temm jgħid il-Papa Franġisku.