L-Iżvezja u l-Awstrija jiċċelebraw l-għeluq tal-aħħar impjanti tal-faħam f’pajjiżhom

REUTERS/Kacper Pempel/File Photo

Ingħalqu l-aħħar impjanti li jaħdmu bil-faħam fl-Awstrija u fl-Iżvezja, pass ambjentali importanti ieħor.

L-Iżvezja laħqet il-mira ekoloġika tagħha sentejn qabel ma kien ippjanat, bl-għeluq tal-impjant tal-enerġija Stockholm Exergi AB’s Värtaverket, mira li l-pajjiż kellu jilħaq fl-2022. Il-kumpanija Żvediża ħarġet stqarrija aktar kmieni dan ix-xahar fejn spjegat li l-impjant kien qed jingħalaq minħabba li l-bojlers ma kienux għadhom meħtieġa joperaw matul ix-xitwa, li kienet anqas kiesħa. Is-soltu l-fabbrika tipprovdi s-sħana għal 800,000 konsumatur li jgħixu fil-kapitali.

“Dan l-impjant ilu jipprovdi sħana u elettriku lir-residenti ta’ Stokkolma sa mill-1989, (imma) illum nafu li rridu nwaqqfu l-użu tal-fjuwils fossili, u għalhekk il-faħam mhux se jibqa’ jintuża. Aħna qed nagħmlu dan diversi snin qabel il-pjan oriġinali,” qal Anders Egelrud, CEO ta’ Stockholm Exergi.

L-għada, fuq in-naħa l-oħra tal-Baltiku, ingħalqet l-aħħar faċilità mħaddma bil-faħam, li kienet tintuża bħala impjant tat-tisħin għall-belt ta’ Verbund fid-distrett ta’ Mellach, fl-Awstrija.

L-Iżvezja u l-Awstrija għalhekk saru t-tieni u t-tielet pajjiż fl-Ewropa li eliminaw kompletament l-impjanti tagħhom li jaħdmu bil-faħam. Il-Belġju kien l-ewwel pajjiż Ewropew li laħaq din il-mira fl-2016.

“Issa li kemm l-Iżvezja u anke l-Awstrija m’għadhomx dipendenti fuq sorsi ta’ tisħin bil-faħam, it-tendenza ta’ tnaqqis fl-użu tal-faħam fl-Ewropa hija ċara,” qalet Kathrin Gutmann, direttriċi tal-kampanja Europe Beyond Coal. “Meta naraw l-isfidi serji għas-saħħa li qed naffaċċjaw bħalissa, il-fatt li nagħżlu sorsi rinnovabbli minflok il-faħam huwa l-aħjar deċiżjoni, u b’riżultat ta’ dan se ngawdu titjib fis-saħħa, protezzjoni tal-ambjent u ekonomiji aktar b’saħħithom.”

Skont Europe Beyond Coal, il-ħames snin li ġejjin jinkludu miri importanti għal seba’ pajjiżi Ewropej oħra li wegħdu li se jwaqqfu l-użu tal-faħam bħala sors ta’ enerġija, fosthom Franza (2022), is-Slovakkja (2023), il-Portugall (2023), ir-Renju Unit (2024), l-Irlanda (2025) u l-lItalja (2025).

Il-prezzijiet tal-faħam qed jiżdiedu bi pressjoni minn swieq ta’ sorsi naturali, hekk kif it-tnaqqis fid-domanda qed iġiegħel lill-bejjiegħa ta’ faħam u l-ishma fl-impjanti tal-faħam biex iżidu l-prezzijiet tal-bejgħ tagħhom, biex ikopru l-ispejjeż relatati mal-impjanti.

Wara li fl-2017 madwar nofs l-impjanti tal-faħam fl-UE rreġistraw telf fid-dħul, is-sena l-oħra kienet irreġistrata żieda ta’ kważi 100% fil-prezz tat-tħaddim ta’ impjant tal-faħam meta mqabbel ma’ operazzjonijiet ekwivalenti li jaħdmu b’sorsi rinnovabbli, skont statistika minn Carbon Tracker, think tank ibbażat fir-Renju Unit.