L-Iżvezja trid miżuri iebsa biex jieqfu l-immigranti li qed jidħlu fl-Ewropa

Il-Gvern Żvediż irid li jittieħdu miżuri biex jieqfu l-immigranti li qed jidħlu fl-Ewropa.
Dan hekk kif il-wasliet tal-immigranti fil-Ġermanja qatt ma waqfu minn Settembru li għadda u huwa stmat li aktar minn 3,000 persuna qed jaslu kuljum.
Il-maġġoranza tagħhom huma refuġjati mis-Sirja u qed jitolbu l-ażil.
L-Iżvezja huwa l-aktar pajjiż li qed jilqa’ refuġjati fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
Wara laqgħa ta’ emerġenza li saret fi Brussell, sar magħruf li huma biss 0.17% tal-immigranti li waslu fil-Greċja u l-Italja li ġew rilokati u ftit li xejn inġabru fondi mit-€3 biljun li ġew imwegħda lit-Turkija biex jieqfu l-wasliet tal-immigranti.
Il-Ministri għall-Intern tal-Iżvezja, l-Ġermanja u d-Danimarka ssejħu mill-Kummissjoni Ewropea fi Brussell wara d-deċiżjoni tal-Iżvezja li jerġgħu jiddaħħlu l-kontrolli fil-funtiera f’deċiżjoni li laqtet ferm lid-Danimarka.
Madwar l-Ewropa qed tinħass il-biża’ li d-deċiżjoni li jinbew il-ħitan u jerġgħu jiddaħħlu l-kontrolli se jwassal biex jinqered il-prinċipju tax-Schengen.
Uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea kellhom kellhom jiltaqgħu f’din il-laqgħa ta’ emerġenza dwar ix-Schengen minħabba d-deċiżjonijiet li qed jieħdu l-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea biex iwaqqfu l-immigranti li jridu jidħlu fl-Ewropa.