“L-Iżraeljani għandhom dritt għall-art; l-Ayatollah Iranjan agħar minn Hitler” – il-Prinċep Sawdi

Il-Prinċep tal-Arabja Sawdija, Mohamed bin Salman, qal li l-Iżraeljani għandhom dritt li jkollhom art tagħhom flimkien mal-Palestinjani fi ftehim li jkun paċifikuż.
“Nemmen li kull poplu, ikun fejn ikun, għandu dritt li jgħix fil-kwiet fuq l-art tiegħu”, qal bin Salman f’intervista twila mar-rivista bbażata fl-Istati Uniti, The Atlantic.
Żied jgħid li Iżrael u l-Arabja Sawdija għandhom ħafna interessi komuni.
Din il-viżjoni toffri kuntrast ma’ dak li sa issa kienet tgħid l-Arabja Sawdija, hekk kif qatt ma kienet irrikonoxxiet l-istorja tal-Lhud, u allura lanqas id-drittijiet tagħhom.
Filwaqt li dawn il-kummenti jistgħu juru resqien u relazzjoni isħaħ bejn iż-żewġ pajjiżi, ħafna qisuhom bħala botta lejn l-Iran, ir-repubblika Iżlamika li magħha l-Arabja Sawdija għandha relazzjoni xejn pjaċevoli.
Fil-fatt, waqt din l-intervista bin Salman qabbel lill-Mexxej Suprem tal-Iran, l-Ayatollah Ali Khamenei ma’ Hitler. Anzi qal li ħdejh Hitler lanqas jibda.
L-eredi għat-tron fis-Sawdi mhux l-ewwel darba li għadda kummenti li għal xi wħud huma rivoluzzjonarji, iżda għal oħrajn jaħbu tattika biex jinħabb mar-Renju Unit u l-Istati Uniti.
F’Ottubru li għadda kien iddikjara li pajjiżu mhuwiex normali, u li se jibdlu la jilħaq re, waqt intervista mal-gazzetta Ingliża, The Guardian.