L-Iżrael jispara missili fuq is-Sirja

Reuters - Arkivji

Read in English.

Ħelikopters Iżraeljani sparaw diversi missili mill-Artijiet Għoljin tal-Golan, li huma okkupati mill-Iżrael, fuq miri ġewwa n-nofsinhar tas-Sirja. Dan ġie rrappurtat mill-midja tal-Istat Sirjan nhar il-Ġimgħa, l-aħħar attakk f’serje kontra l-milizzja appoġġata mill-Iran li, skont sorsi, qed jiżdiedu fil-frekwenza. 

Sorsi mill-oppożizzjoni fiż-żona qalu li diversi postazzjonijiet tal-milizzja viċin ta’ Quneitra kienu fil-mira tal-attakk, li sofrew biss danni materjali. 

Ma kien hemm l-ebda kumment immedjat mill-armata Iżraeljana. 

Bażijiet u konvojs immexxija mill-Hezbollah, il-milizzja appoġġata mill-Iran li tinsab fil-Libanu u li għandha preżenza qawwija fl-Artijiet Għoljin tal-Golan fis-Sirja, ilhom jiġu attakkati mill-Iżrael matul dawn l-aħħar snin. 

L-Iżrael kien qed iżid l-attakki fuq is-Sirja fi żmien meta l-attenzjoni tad-dinja u tar-reġjun, inkluż is-Sirja, hija ffukata fuq il-ġlieda kontra l-coronavirus, skont sors ta’ informazzjoni reġjonali. 

L-Iżrael ammetta li f’dawn l-aħħar snin kien wettaq diversi attakki fis-Sirja sa mill-bidu tal-gwerra ċivili fl-2011. 

Wara li nhar it-Tnejn is-Sirja ħabbret li kienet interċettat attakki mill-ajru mill-forzi Iżraeljani viċin il-kapitali tagħha Damasku, il-Ministru għad-Difiża Iżraeljan Naftali Bennett qal lill-midja Iżraeljana li l-pajjiż kien se jżid il-kampanja tiegħu kontra l-Iran fis-Sirja. Bennett deher li kien qed jikkonferma li l-attakk mill-ajru kien sar mill-forzi Iżraeljani fuq bażijiet Iranjani, skont sorsi ta’ informazzjoni mill-Punent.

L-armata Sirjana ddikjarat li tliet persuni ċivili Sirjani tilfu ħajjithom wara l-attakk ta’ nhar it-Tnejn, u diversi persuni oħra sfaw feruti minħabba splussivi li laqtu lil djarhom.

It-theddida ta’ konfrontazzjoni diretta bejn dawn iż-żewġ għedewwa, l-Iżrael u l-Iran, ilha tbaqbaq fis-Sirja, minħabba li l-Iżrael iqis li l-Iran huwa l-akbar theddida kontrih.

Intant, Assad qal li hu japprova l-permanenza tal-forzi Iranjani fis-Sirja wara snin ta’ rebħiet militari fejn l-Iran u r-Russja kellhom rwol ewlieni biex il-pajjiż jerġa’ jinġieb taħt il-kontroll tiegħu.