L-Iżolament u l-populiżmu jwasslu għall-gwerra

Il-Papa Franġisku dejjem jgħallem u jisħaq dwar il-valuri nsara

F’intervista mal-gazzetta Taljana “La Stampa” il-Papa Franġisku tkellem dwar dwar il-valuri tal-Ewropa u dwar il-biża’ ta’ dak li hu jsejjaħ “sovraniżmu” u l-populiżmu li spiss iwasslu għall-gwerrer.

Il-Papa Franġisku saħaq li l-Ewropa jinħtieġ li tirrispetta l-identitajiet tal-poplu u mhux tingħalaq fiha nfisha.  L-Ewropa rridu nsalvawha għax hi wirt li “ma jistax u ma għandux ikun imkisser”.

Id-djalogu u s-smiegħ, “nibdew mill-identità tagħna nfusna u mill-valuri umani u nsara, huma l-mediċina kontra “s-sovraniżmu” u l-populiżmu u huma wkoll il-makna għal process ta’ bidu ġdid li ma jispiċċa qatt.

L-Ewropa u l-missirijiet li waqqfuha 

Fl-intervista, l-Papa Franġisku esprima t-tama li l-Ewropa tkompli tkun il-ħolma tal-missirijiet li waqqfuha.  Hi viżjoni li saret realtà għax implimentat l-għaqda storika, kulturali u ġeografika li tikkaratterizza l-kontinent.

Minkejja l-problema ta’ amministrazzjoni u n-nuqqas ta’ qbil intern, il-Papa jħossu ottimist wara l-għażla ta’ Ursula von der Leyen bħala President tal-Kummissjoni Ewropea. Kuntent għax “mara tista’tkun  il-persuna li tagħti ħajja ġdida lis-saħħa tal-missirijiet li waqqfu l-Unjoni Ewropea. In-nisa jafu kif iġibu n-nies flimkien biex jingħqdu”, qal il-Papa.

L-għeruq umani u nsara tal-Ewropa

Skont il-Papa l-isfida ewlenija li għandha l-Ewropa hi biex iġġedded lilha nnifisha u dan jiġi permezz tad-djalogu. “Fl-Unjoni Ewropea hemm bżonn nitkellmu ma’ xulxin, nikkonfrontaw lil xulxin u nsiru nafu lil xulxin”.  Il-mekkaniżmu mentali wara kull raġunament irid ikun “l-ewwel l-Ewropa u mbagħad kull wieħed minnha”.

Biex jiġri dan “għandna bżonn nisimgħu” imma fil-fatt ħafna drabi naraw biss “monologi ta’ kompromess”. Papa Franġisku spjega li l-punt tat-tluq huma l-valuri umani ta’ kull persuna. Hu fatt storiku li l-Ewropa għandha għeruq kemm umani kif ukoll kristjani. “U meta ngħid hekk ma rridx nissepara l-Kattoliċi, l-Ortodossi u l-Protestanti. L-Ortodossi għandhom rwol important fl-Ewropa. Aħna lkoll għandha l-istess valuri li jsawwruna”.

Identità miftuħa għad-djalogu

Il-Papa spjega li kull wieħed minnha hu mportanti. Ħadd m’hu sekondarju. Għalhekk, f’kull djalogu rridu nibdew mill-identità tagħna nfusna. “Jien ma nistgħax nagħmel ekumeniżmu jekk ma nibdiex mill-fatt li jien Kattoliku, u min jagħmel ekumeniżmu miegħi irid jagħmel dan bħala Protestant jew Ortodoss.  L-identita’ tagħna nfusna m’hix negozjabbli; hi xi ħaġa integrali”.

Hu qal li l-problema tal-esaġerazzjonijiet hi li niżolaw lilna nfusna bla ma ninfetħu għall-oħrajn. L-identità hi kulturali, nazzjonali, storika, il-wirt artistiku u kull pajjiż għandu dawn l-affarijiet tiegħu, imma dan irid ikun integrat mad-djalogu.  Hu kruċjali li filwaqt li wieħed jibda mill-identità tiegħu nnifsu, jinfetaħ għad-djalogu biex mill-identità tal-oħrajn jikseb xi ħaġa akbar.

“Sovraniżmu u Populiżmu”

Il-Papa Franġisku esprima t-tħassib tiegħu għal dak li hu jsejjaħ “sovraniżmu” li jiddeskrivih bħala attitudni ta’ iżolament. Qal li jinkwieta jisma’ diskorsi jixbħu lil dawk ta’ Hitler fl-1934 li jipproklamaw “Aħna l-ewwel. Aħna…Aħna…”

Filwaqt li s-“sovraniżmu” jinvolvi li wieħed jingħalaq fih innifsu, is-sovranità mhux hekk. Is-sovranità rridu niddefenduha u r-relazzjonijiet ma’ pajjiżi oħra, mal-Komunità Ewropea iridu wkoll ikunu protetti u promossi.

Is-“sovraniżmu” hu esaġerazzjoni li dejjem tispiċċa ħażin: “twassal għall-gwerrer”, qal il-Papa. Spjega li l-populiżmu hu mod kif timponi attitudni li twassal għas-“sovraniżmu” u ma għandniex inħalltuh mal-“populariżmu” li hi l-kultura tan-nies li hemm bżonn tkun espressa. Li nżidu “iżmu” mas-sovran hu ħażin, insista Papa Franġisku.