L-iżolament m’għandu qatt jintuża biex jiddixxiplina lil min ma jobdix – Prof. Azzopardi

Credit: jmiller291/Flickr

Read in English.

Id-diviżjoni tal-iżolament fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordina ma għandhiex tibqa’ tintuża’, hekk qal id-dekan tal-Fakultà għall-Ħarsien Soċjali, l-Professur Andrew Azzopardi f’dokument li ntbgħat lil President George Vella, il-Prim Ministru Joseph Muscat, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, fost oħrajn.

Il-Prof. Azzopardi spjega l-istorja wara l-użu taċ-ċellel tal-iżolament fil-ħabs, u sostna li studji juru li dan it-tip ta’ kastig għandu impatt negattiv fuq il-priġunieri. Huwa saħaq li bħala dekan tal-Fakultà għall-Ħarsien Soċjali ma jistax jibqa’ passiv meta din il-prattika qed tibqa’ tintuża. Huwa stqar li jinsab lest li jagħti daqqa t’id anki permezz tal-fakultà li huwa jmexxi biex ikun hemm il-bidla li hemm bżonn.

Persuna tista’ tintbgħat fiċ-ċella tal-iżolament skont il-provedimenti fil-Kodiċi Kriminali tal-liġijiet ta’ Malta. Artiklu 9 tal-Kodiċi Kriminali jispeċifika meta u kif wieħed jista’ jintbgħat fl-iżolament. Persuna tista’ tinżamm fiċ-ċella f’diviżjoni tal-iżolament għal mhux iktar minn għaxart ijiem. Persuna ma tistax tingħata żewġ perijodi jew iżjed ta’ reklużjoni mingħajr ma jkun hemm intervall ta’ xahrejn bejn perijodu u ieħor. L-artiklu jgħid ukoll li r-reklużjoni tista’ tingħata matul dawk l-intervalli għal ksur ta’ regolamenti tal-ħabs, jew għal xi reat ieħor magħmul matul l-intervalli, iżda għal perijodi qosra u illi flimkien ma jkunux jilħqu iktar minn ħmistax-il ġurnata f’xi intervall wieħed.

Il-Professur Azzopardi qal li filwaqt hemm bżonn ta’ miżuri li jipproteġu lill-individwi u l-ħaddiema tal-faċilità korrettiva kif ukoll miżuri biex jiddixxiplinaw persuni li ma jobdux ir-regoli tal-istutizzjonijiet, l-użu tad-diviżjoni tal-iżolament ma għandha qatt tiġi kkunsidrata.

Id-dekan spjega li hemm ħafna riċerka li tiddokumenta l-effetti negattivi li id-diviżjoni tal-iżolament għandha fuq il-persuni li jgħaddu minn din l-esperjenzi. Ir-riċerka turi li anki perijodi qosra jispiċċaw ibatu psikoloġikament. Semma’ kif perusuni li jispiċċaw fiċ-ċella tal-iżolament li jkollhom problemi ta’ saħħa mentali huma iktar vulnerabbli. Fost id-diversi effetti psikoloġiċi li persuna tista’ tesperjenza meta tgħaddi mill-iżolament hemm reazzjonijiet relatati mal-istress, disturb fl-irqadt, livelli għolja ta’ anzjetà u paniku, aggressjoni, rabja, paranojja, fost oħrajn.

Il-Professur Azzopardi stqarr li l-użu tal-iżolament iwassal biex l-imġiba tal-persuna li tgħaddi minn din l-esperjenza tmur għall-agħar. Sostna li l-użu tal-iżolament jista’ jwassal biex dawn il-persuni ikollhom mumenti ta’ imġieba aggressiva u jistgħu jsibuha diffiċli li jerġgħu jintegraw lura ma’ dawk li jkunu qegħdin jiskontaw sentenza fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin jew fis-soċjetà.