L-Iżlanda qrib li ‘tfiq’ mill-coronavirus

Reuters

L-Iżlanda waslet biex ‘tfiq’ mill-pandemija tal-coronavirus hekk kif 97% tal-pazjenti infettati fiequ filwaqt li żewġ każi ġodda biss kienu konfermati matul il-ġimgħa li għaddiet, skont stqarrija maħruġa mill-Gvern tal-pajjiż nhar l-Erbgħa.

Wara li kienet ħabbret l-ewwel każi konfermati ġodda kmieni f’Marzu, il-pajjiż fit-tramuntana ta’ l-Atlantiku ħabbar lockdown, ingħalqu l-iskejjel u twaqqfet kull attività tal-massa filwaqt li nbdiet strateġija ta’ ttestjar rigoruż sabiex tkun kontrollata l-imxija.

B’hekk, il-pajjiż ta’ madwar 360,000 persuna seta’ jħabbar il-possibbiltà li jibda jmur lura għan-normalità f’nofs April hekk kif l-imxija kienet laħqet l-eqqel tagħha aktar kmieni f’dak l-istess xahar u beda jidher progress tajjeb ħafna.

“Bqajna sorpriżi b’mod pożittiv meta bdejna naraw ir-rata mgħaġġla li biha bdiet tonqos din il-pandemija madwar l-Iżlanda. Għaldaqstant, huwa importanti ħafna li nibqgħu attenti u nnaqqsu kemm jista’ jkun ir-riskju li din l-imxija terġa’ tfaqqa’ mill-ġdid,” qal l-epidemologu ewlieni Thorolfur Gudnason fi stqarrija.

L-Iżlanda wettqet testijiet fuq madwar 51,663 ċittadin jiġifieri ftit iżjed minn 14% tal-popolazzjoni – meqjus bħala proporzjon ferm kbir meta mqabbel ma’ pajjiżi oħra, grazzi wkoll għall-popolazzjoni żgħira.

Ħafna mir-restrizzjonijiet bdew jitneħħew it-Tnejn li għaddew, fejn infetħu l-iskejjel, hair salons u mużewijiet, filwaqt li qed jitħallew ġemgħat ta’ mhux iżjed minn 50 persuna.

“57% ta’ dawk kollha li ttestjaw pożittivi għall-COVID-19 kienu diġà ġew iżolati kwarantina u huwa mifhum li din kienet waħda mir-raġunijet biex il-miżuri li ttieħdu f’dan il-pajjiż biex ikun ikkontrollat dan il-virus ikunu daqshekk effettivi,” qal il-Gvern.

Għalissa, ir-regola ta’ żewġ metri distanza ta’ social distancing se tibqa’ fis-seħħ, filwaqt li gyms u pixxini se jibqgħu magħluqin. Dawk in-negozji li jirrikjedu interazzjoni mill-qrib mal-klijenti se jitħallew jerġgħu jibdew joperaw filwaqt li l-attivitajiet kollha għat-tfal reġgħu lura għan-normal.

B’kollox, 1,799 persuna instabu pożittivi għall-COVID-19 fl-Iżlanda, u 1,750 minnhom m’għadhomx infettati. Bħalissa hemm 39 persuna infettati u tlieta minnhom jinsabu l-isptar.

Għaxar persuni li ttieħdu mill-virus mietu, fejn seba’ minnhom kellhom ‘il fuq minn 70 sena.

Sa minn meta faqqgħet din il-pandemija, il-Gvern investa $2 biljun fl-ekonomija li tiddependi ħafna fuq it-turiżmu, f’għajnuna finanzjarja lin-negozji kif ukoll f’miżuri sabiex ikunu megħjuna gruppi vulnerabbli, studenti u dawk li qed ifittxu impjieg.

Madwar l-Ewropa, pajjiżi bħall-Awstrija, il-Portugall u d-Danimarka ħabbru miżuri simili sabiex jibdew ineħħu r-restrizzjonijiet tal-lockdown, bil-Ġermanja tagħmel l-istess l-Erbgħa li għadda.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn