Dun Osmar Baldacchino, għada ser jiġi ordnat saċerdot minn l-Arċisqof Charles Scicluna u ser isir l-iżgħar qassis f’Malta.
F’intervista ma’ Newsbook.com.mt, Dun Osmar stqarr li s-saċerdozju ma’ kienetx l-għażla awtomatika tiegħu: “il-ħolma tiegħi kienet li nsir Accountant” stqarr Dun Osmar
Ma kienx iħoss li s-saċerdozju hi t-triq għalih, imma kif stqarr hu stess: “Kont f’salib it-toroq, u f’salib it-toroq ma tistax ma tagħżilx.”
Din ma kienetx għażla faċli għalih, imma kien iħoss vojt fih li ma kienx qiegħed iħallih kwiet. Bl-għajnuna ta’ direttur spiritwali ddeċieda li jibda’ s-seminarju.
“Bdejt is-seminarju b’karta bajda, ma dħalx is-seminarju bil-konvinzjoni li insir qassis. Imma s-seminarju għini nagħraf aktar lili nnifsi.” Għal Dun Osmar aktar ma’ beda jgħaddi ż-żmien aktar bdew jiċċaraw l-affarijiet.
Forsi l-aktar mument li għenu biex jagħraf aħjar x’kellha tkun it-triq tiegħu hi l-esperjenza li għamel tlett snin ilu ġewwa Kuba. Flimkien ma’ Dun Pawl Buttigieg, missjunarju għal aktar minn 20 sena, seta’ jesperjenza “Knisja li għadha ħierġa mill-persekuzzjoni tal-Komuniżmu, persekuzzjoni fina ħafna.”
Ix-xhur li għamel ġewwa Kuba għinuh jagħraf li r-rwol tal-qassis mhux dik li jkun fuq il-pulptu imma li jgħin fejn hemm l-għatx għal Alla.
10 saċerdoti ġodda
Għada, fil-Knisja Parrokkjali ta’ Kristu Re, Raħal il-Ġdid, fis-6:30 p.m, se ssir l-Ordinazzjoni ta’ 10 saċerdoti ġodda. Dawn huma:

- Osmar Baldacchino mill-Parroċċa ta’ San Nikola, is-Siġġiewi
- David Borg mill-Parroċċa tal-Madonna tal-Grazzja, Ħaż-Żabbar
- Christopher Bugeja mill-Parroċċa ta’ San Pawl, ir-Rabat
- Andrew Camilleri, mill-Parroċċa ta’ Santa Katerina, iż-Żurrieq (Moviment tal-Fokolari)
- Jonathan Debattista mill-Parroċċa ta’ Marija Annunzjata, Ħal Tarxien
- Michael Debono, Kumpanija ta’ Ġesù (Ġiżwita)
- Damian John Formosa, Salesjan ta’ Don Bosco
- Jake Mamo, Salesjan ta’ Don Bosco
- Tony Pace mill-Parroċċa tal-Konverżjoni ta’ San Pawl, Ħal Safi
- Paul Spiteri, Salesjan ta’ Don Bosco