“Se nirriżenja biex inħassar l-iżbalji li saru” – Muscat

Muscat kien qed jitkellem is-Sannat, Għawdex

Joseph Muscat qal li l-għażla tiegħu li jirriżenja f’Jannar mill-kariga ta’ Prim Ministru qed issir biex tinkiteb paġna ġdida li tħassar l-iżbalji li saru iżda tibni fuq il-ħafna ġid li sar ukoll.

“Għalhekk għamilt l-għażla li kelli nagħmel biex min jiġi warajja jkun jista’ jibda paġna ġdida kif hemm bżonn għal pajjiżna. Paġna ġdida li tħassar in-nuqqasijiet imma tibni fuq it-tajjeb li sar,” stqarr Muscat.

Meta kien qed jitkellem fis-Sannat Għawdex, Muscat qal li hu d-dover tal-mexxej u Prim Ministru l-ġdid li jwettaq il-manifest elettorali li l-poplu Malti jivvota għalih fl-elezzjoni tal-2017.

Il-Prim Ministru stqarr li se jagħti l-appoġġ sħiħ lill-Mexxej il-ġdid peress li jaf liż-żewġ kandidati u t-tnejn għandhom il-viżjoni li jżommu ħajja l-idea ta’ moviment. 

Huwa saħaq li ma jiddispjaċihx li kien fuq quddiem biex jilqa’ għad-daqqiet ħalli jiddefendi lill-partitarji Laburisti.

“Kull darba li kien hemm attakk, dejjem ħassejna l-imħabba tagħhom, li għenitna nimxu ‘il quddiem,” hu qal.

Muscat stqarr li l-pajjiż illum għandu bżonn l-għaqda. Insista li hemm min qed jipprotesta b’mod ġust waqt li oħrajn qed jagħmlu dan b’mod inġust. Wissa’ biex ma jikkritikawx il-korp tal-Pulizija u l-Armata iżda jikkritikaw lilu.

“Ħalli jipprotestaw fil-konfront tiegħi imma tipprotestawx fuq nies li qed jagħmlu xogħlhom ta’ kuljum bħalma huma l-Forzi Armati li jien naf kif se jkun jaf il-Prim Ministru l-ġdid x’jagħmlu, fejn isalvaw u jiskansaw ħafna perikli.”

Fl-aħħarnett, Muscat stqarr li hu għandu x-xorti li jkun l-ewwel Prim Ministru li se jkun rekken u se jħalli l-ġid.

“Huwa dan li jagħmilni kburi li servejt lill-pajjiżi matul dawn is-snin” qal Muscat.

Flok idur fit-toroq għaċ-ċapċip, Joseph Muscat messu diġà telaq PN

Il-Partit Nazzjonalist qal fi stqarrija li fil-ġranet meta l-pajjiż jinsab għaddej mill-ikbar kriżi Kostituzzjonali u Istituzzjonali fl-istorja, Joseph Muscat baqa’ jdur fil-lokalitajiet minflok warrab biex jieqaf darba għal dejjem jagħmel il-ħsara lir-reputazzjoni tal-pajjiż.

Il-PN qal li f’dan il-mument delikat, il-pajjiż mhux Prim Ministru jdur it-toroq għaċ-ċapċip għandu bżonn, iżda riformi li jsaħħu l-istituzzjonijiet u jagħtuhom lura l-indipendenza minn Gvern li nħakem mill-kriminalità.

Il-Prim Ministru dwar id-deċiżjoni li jirriżenja
Filmat: Xtaqt li l-ħajja politika tiegħi ma spiċċatx hekk – Muscat
Il-Prim Ministru jżur tliet lokalitajiet f’Malta
“Ma xtaqtx nitlaq f’dawn iċ-ċirkostanzi” – PM