L-ixjeħ soru fid-dinja għalqet 116-il sena

Sr Andre Randon - 116-il-sena

Is-Sour tal-Karità, Suor Andrè Randon, għadha kif għalqet 116-il sena.

Din hi l-ixjeħ mara fl-Ewropa u t-tieni l-ixjeħ persuna fid-dinja, għaliex Kane Tanaka, mara Ġappuniża li għandha 117-il sena hi l-unika persuna li għaddiet b’sena waħda biss lil Suor Andrè.

Suor Andrè twieldet bħala Lucile Randon, fil-11 ta’ Frar tal-1904. Meta kellha 19-il sena kkonvertiet għall-Kattoliċiżmu u ta’ 25 sena bdiet daħlet taħdem fi sptar fi Franza, tieħu ħsieb l-anzjani u t-tfal  orfni.

Meta kellha 40 sena, vokazzjoni tardiva, daħlet mas-Sorijiet tal-Karità. Il-vokazzjoni tagħha issa ilha 76 sena bħala soru.

Fl-2009 marret tgħix fid-dar tal-anzjani  Sainte-Catherine Labourè li tinsab f’Toulon fi Franza fejn iċċelebrat għeluq sninha ma’ membri tal-familja u xi ħbieb.

Is-sena li għaddiet, meta għalqet 115-il sena il-Papa Franġisku kien bagħtilha ittra personali bl-awguri tiegħu u kuruna tar-rużarju mbierka minnu stess.

Is-Sigriet

X’inhu s-sigriet ta’ din is-soru għall-ferħ u l-għomor twil?

“Itlob u ixrob kikkra ċikkulata kuljum”

Sr. Andrè qalet ukoll li għaliha “il-ferħ ta’ kuljum hu li tkun kapaċi tmur titlob”.

Għalkemm għamja u tgħix fuq siġġu tar-roti, is-Soru dejjem tiċċajta u tappella biex jitolbu għaliha għax tittama li “l-Mulej ma jdumx ma jsejħilha u ma jħallihiex tistenna wisq aktar”.