L-ixjeħ rebbieħ ta’ Britain’s Got Talent jiffirma għall-ewwel album

Colin Thackery mhux talli huwa l-ixjeħ rebbieħ fil-kompetizzjoni ta’ Britain’s Got Talent, iżda issa sar l-ixjeħ artist li ffirma kuntratt biex joħroġ l-ewwel album tiegħu.

AQRA: Veteran tal-gwerra ta’ 89 sena jirbaħ il-Britains Got Talent; Giorgia Borg b’messaġġ ta’ awgurju

Thackery, li għandu 89 sena, se jkun qed joħroġ album mad-dar tad-diski Decca.

Minn mindu rebaħ il-kompetizzjoni tal-Britain’s Got Talent, Colin kiseb ħafna attenzjoni i aktar kmieni din il-ġimgħa ingħaqad mal-Bournemouth Symphony Orchestra waqt kunċert fir-Royal Albert Hall.

Thackery issa se jkun wkoll fost l-artisti li ftit ġimgħat oħra se jagħtu wirja quddiem ir-Reġina waqt ir-Royal Variety Performance.

Artist ieħor li se jkun qed jagħti s-sehem tiegħu huwa Rod Stewart biex jiċċelebra l-50 sena karriera fix-xena mużikali.