L-IVF f’Mater Dei jibda jagħti riżultati

Bil-proċedura tal-IVF mogħtija mill-Isptar Mater Dei diġà hemm numru ta’ koppji li qed jistennew tarbija.

Il-Ministru tas-Saħħa Godfrey Farrugia qal dan fil-Parlament illejla bi tweġiba għal mistoqsija parlamentari li saritlu mid-deputat Nazzjonalista Ċensu Galea.

Godfrey Farrugia qal li minn Ottubru li għadda kien hemm iktar minn 120 koppja li ġew riferuti għas-servizz b’xejn tal-IVF fl-Isptar Mater Dei.

Hu spjega li minħabba n-numru ta’ talbiet, inħatar kumitat apposta li poġġa f’ordni ta’ preċedenza lill-koppji skont kriterji stabbiliti ta’ età biex jintagħżlu l-ewwel 50 koppja, li minnhom 27 għażlu li jagħmlu l-proċess li nbeda f’Diċembru.

Il-koppji l-oħra għażlu li jipposponu għal data iktar tard.

Il-Ministru tas-Saħħa spjega li s-servizz tal-IVF kien “kollu bla ħlas (apparti l-mediċini) u l-koppji ma ħallsux la għall-IVF innifisha u lanqas għall-cryopreservation (iffriżar tal-bajd) offrut lilhom”.