L-ittra tal-pensjoni se tasallek xahar wara

Filwaqt li qabel il-pensjonanti kienu jirċievu żewġ ittri lill-pensjonanti b’informazzjoni differenti, minn din is-sena, iż-żewġ ittri li joħorġu biss għal skop ta’ informazzjoni, se jkunu amalgamati f’ittra waħda. Minħabba f’hekk, din l-ittra se tasal xahar aktar tard.

Fi stqarrija mill-Ministeru għall-Familja, id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali ħabbar bidla f’żewġ ittri. Dawn huma l-ittra li tindika d-dati tal-pagamenti tal-pensjoni kontributorja li jkunu tħallsu fis-sitt xhur ta’ qabel u d-dati li fihom tkun se titħallas il-pensjoni fis-sitt xhur li ġejjin u l-ittra l-oħra hija dik li turi l-ammont ta’ pensjoni mħallsa u l-ammont ta’ taxxa mnaqqsa, fejn din tkun applikabbli.

Minn din is-sena, l-ittri se jkunu amalgamati f’ittra waħda. Intant ġie spjegat li bi ftehim mad-Dipartiment tat-Taxxi Interni, l-ammont ta’ taxxa mnaqqsa mill-pensjoni kontributorja fejn tkun dovuta taxxa, se jkun mill-ewwel indikat fuq il-formola tat-taxxa li l-pensjonanti jirċievu mid-Dipartiment tat-Taxxi Interni.

Id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali spjega li b’dan il-mod, bħala parti mill-eżerċizzju kontinwu tiegħu ta’simplifikazzjoni, se jnaqqas mill-ammont ta’ ittri li jintbagħtu lill-pensjonanti. Id-Dipertiment spejga li biex isseħħ din il-bidla, l-ittra amalgamata se tintbagħat fix-xahar ta’ Marzu.  Dan ifisser li l-ittra li s-soltu kienet tintbagħat fi Frar bl-informazzjoni dwar il-pagamenti mhux se tintbagħat. Imbagħaed, minflok, il-pensjonant jirċievi ittra waħda f’Marzu kif spjegat.

Intant, id-Dipartiment serraħ ras il-pensjonanti li se jibqa’ jipproċessa kull tip ta’ pensjoni fil-ġranet li jkunu allokati biex il-pensjoni dejjem tkun depożitata fil-kont bankarju, kif indikat mill-pensjonant, kull erba’ ġimgħat mingħajr waqfien.  L-istess isir fil-każ ta’ dawk li għadhom jitħallsu b’ċekk.

Id-Dipartiment fakkar li f’każ li pensjonant ibiddel il-kont bankarju fejn jixtieq li l-pensjoni tidħollu, huwa importanti lijinforma lid-Dipartiment b’dan it-tibdil fi żmien raġonevoli biex il-pensjoni tibqa’ titħallas b’mod dirett fil-kont il-ġdid, mingħajr problemi.

Għal aktar informazzjoni, wieħed jista’ jċempel fuq in-numru 153.