L-ittra ta’ riżenja ta’ David Stellini tinqara fil-Parlament

Read in English.

Fis-seduta Parlamentari tal-lum, l-ispeaker tal-kamra qara l-ittra ta’ riżenja tal-Membru Parlamentari David Stellini minn MP. Fl-ittra ġie spjegat li r-riżenja ta’ Stellini se tidħol fis-seħħ mill-31 ta’ Mejju, jiġifieri jumejn oħra.

Ir-raġuni li Stellini ta fl-ittra kienet primarjament li ħass li ma kellux jibqa’ jaħdem fi sfond ta’ klima politika li ma tagħmilx ġid la lill-Maltin u lanqas lill-Għawdxin. Qal li dan minħabba li hawn firda politika kbira li ma tagħmilx ġieh lill-pajjiż.

Aqra: David Stellini jirreżenja minn Membru Parlamentari

Il-kollegi tiegħu fil-Parlament, kemm dawk min-naħa tal-Gvern u oħrajn min-naħa tal-Oppożizzjoni esprimew id-dieqa tagħhom għat-telfa ta’ persuna li kienet tagħmel xogħol siewi fil-Parlament Malti. Għaldaqstant awguraw lil Stellini l-aqwa xewqat fil-karriera futura tiegħu.

It-Tnejn, Newsbook.com.mt żvela l-istorja esklussiva li Stellini kien qed jikkunsidra l-possibbiltà li jmur jaħdem mal-Parlament Ewropew. Qabel ma ġie lura f’Malta biex jikkontesta l-elezzjoni ġenerali ta’ Ġunju 2017, Stellini kien jaħdem fi Brussell mal-Partit Popolari Ewropew (PPE). Hu mbagħad ġie elett għall-Parlament Malti.

Is-seduta Parlamentari tal-lum qed issir dalgħodu minflok fl-4pm hekk kif wara nofsinhar se jibda l-għadd tal-voti tal-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali.