L-ITS f’Għawdex se jiftaħ; ġenituri infurmati li magħluq

Read in English.

L-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS) f’Għawdex se jiftaħ il-bibien tiegħu għal sena akkademika oħra, minkejja li sal-bieraħ stess, ġenituri ġew infurmati li wliedhom se jkollhom isegwu l-kors f’Malta. Ingħatatilhom ir-raġuni li ma applikawx biżżejjed studenti f’Għawdex. Sa issa l-istess ġenituri għadhom ma ġewx infurmati bil-bidla fil-pjan.

Sorsi infurmati qalu ma’ Newsbook.com.mt li għas-sena akkademika li waslet biex tibda, applikaw tmien studenti għall-ITS fil-Qala. Il-ġimgħa li għaddiet, il-parti l-kbira tal-istudenti ġew infurmati li mhux se jsiru korsijiet f’Għawdex u li jistgħu jattendu l-ITS f’Ħal Luqa, li tiftaħ fit-23 ta’ Settembru.

Din l-aħbar qanqlet stress u inċertezzi żejda fost l-istudenti ta’ 16-il sena u l-ġenituri tagħhom, tant li kien hemm min qata’ qalbu u ddeċieda li ma jkomplix jistudja. Sfidi oħra li ssemmew huma t-traġitt kuljum lejn Ħal Luqa u l-kiri ta’ appartamenti li minbarra l-ispejjeż, iż-żmien daħal ġmielu.

Oħrajn ma jistgħux jifhmu kif it-turiżmu huwa l-industrija ewlenija f’Għawdex, u l-iskola li proprju tħejji l-istudenti f’dan il-qasam ma kinitx se tiftaħ.

Il-Ministeru għal Għawdex jiddiskuti ma’ tat-Turiżmu

Għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt, kelliem għall-Ministeru għal Għawdex irreferiena għall-Ministeru għat-Turiżmu. Żied jgħid li l-Ministeru għal Għawdex għaddej f’diskussjonijiet mal-Ministeru għat-Turiżmu biex il-korsijiet ikomplu jingħataw f’Għawdex.

Għall-istess mistoqsijiet, kelliem għall-Ministeru għat-Turiżmu stqarr li l-korsijiet f’Għawdex se jibqgħu jiġu provduti fil-Kampus ta’ Għawdex kif kienu pprovduti s-sena li għaddiet. Irrimarka li aktar minn hekk se jiżdied id-Degree fis-sigurtà waqt l-għadds.

“M’aċċettajniex il-proposta tal-management” – Ministeru Turiżmu

Fisser li l-Ministeru ma aċċettax il-proposta tal-management biex il-korsijiet f’Għawdex ma jsirux. Stqarr li filwaqt li l-maġġoranza ta’ dawk li applikaw għażlu li jattendu Malta, il-kors f’Għawdex se jkun offrut għal min jixtieq.  Saħaq li ċ-Ċentru tal-ITS f’Għawdex se jibqa’ jissaħħaħ.

Fi Frar tal-2013, fl-ITS ta’ Għawdex kienu qed jitħarrġu 80 persuna f’korsijiet full-time u part-time.

Wara l-elezzjoni tal-2013, l-ITS flimkien mas-setturi tal-edukazzjoni u tas-saħħa ma baqgħux taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru għal Għawdex.

Mistoqsijiet li Newsbook.com.mt bagħat lill-Assoċjazzjoni għat-Turiżmu f’Għawdex (GTA) ma ġewx imwieġba sal-ħin tal-pubblikazzjoni.