L-ITS bi kjarifika fuq il-każ ta’ coronavirus fost l-istudenti

L-Istitut tal-Istudji Turistiċi (ITS) ikkonferma li nstab każ ta’ coronavirus fost l-istudenti tiegħu fil-jiem li għaddew, iżda assigura li qegħdin jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex l-imxija tal-coronavirus fi ħdan l-istitut tkun ikkontrollata.

Ilbieraħ Newsbook.com.mt irrapporta li kien hemm każ ta’ coronavirus fl-iskola wara li ħabbret dan il-UPE fuq Facebook. L-istudenta kienet qed tattendi xi lezzjonijiet li qegħdin isiru biex l-istudenti jirkupraw dak li tilfu s-sena li għaddiet minħabba l-pandemija.

F’kummenti lil Newsbook.com.mt, id-Direttur tal-Istitut, Pierre Fenech, spjega li l-istudenta attendiet l-iskola l-aħħar it-Tnejn, 7 ta’ Settembru. Hija żviluppat is-sintomi bejn it-Tnejn u t-Tlieta, u rriżultat fil-pożittiv is-Sibt, 12 ta’ Settembru. B’hekk, l-istudenta ma attendietx l-iskola meta kellha s-sintomi.

L-awtoritajiet tas-saħħa ħadu ħsieb jagħmlu l-contact tracing f’qasir żmien biex jistabbilixxu ma’ min kellha kuntatt din l-istudenta. Dawk li kellhom kuntatt magħha ntalbu ma jmorrux l-ITS.

Fenech insista li l-ITS qed tieħu l-miżuri kollha neċessarji biex l-imxija tal-Covid-19 tkun imrażżna. Fost dawn il-miżuri, qed isir:

  • Tindif, diżinfettar u ffumugar ta’ kull klassi, kċina u ristorant bejn kull lezzjoni
  • Miżuri ta’ tbegħid soċjali
  • Hu inkoraġġit il-ħasil tal-idejn u l-iġjene personali
  • Qed tittieħed it-temperatura f’żewġ blokok prinċipali; ħadd ma jista’ jaċċessa l-istitut mingħajr ma tittiħidlu t-temperatura
  • Kull persuna li tidħol titwaħħlilha sticker b’kulur li jinbidel kuljum u ħadd mhu jiġi aċċettat fil-lezzjoni jekk ma jkollux l-isticker tal-ġurnata.
Dak li ġie rrappurtat ilbieraħ
Każ ta’ coronavirus fl-ITS