“L-itqal mument ta’ ħajti meta ffirmajt il-liġi dwar l-embrijuni” – Coleiro Preca

Fl-ewwel intervista mindu temmet il-kariga tagħha, il-President Emeritus Marie Louise Coleiro Preca qalet li wieħed mill-itqal mumenti ta’ ħajjitha kien meta iffirmat il-liġi dwar l-Att tal-Protezzjoni tal-Embrijuni.

F’intervista ma’ Fr Joe Borg fil-programm Newsline fuq RTK, il-President Emeritus Coleiro Preca iċċarat li hija mhijiex kontra l-IVF, iżda l-akbar tħassib tagħha kien dwar x’se jiġri mill-embrijuni.

Semmiet kif tul dan  iż-żmien fil-presidenza tagħha, għamlet perijodu ta’ dixxerniment morali u etiku, u fl-aħħar iddeċidiet li tiffirma din il-liġi għax kienet għaddiet mill-Parlament. Kompliet tispjega li wara dan id-dixxerniment, iddeċidiet li għall-ewwel darba se tiffirma din il-liġi bħala President, filwaqt li tgħaddi messaġġ ċar lill-istess Parlament.

Kompliet tgħid li l-aspetti etiċi u morali l-bniedem jibqa’ jġorrhom dejjem miegħu, anke jekk ikun President.

“Kont nirriżenja flok niffirma liġi favur l-abort”

Qalet li kieku kellha tkun fl-istess sitwazzjoni li tiġi biex tiffirma l-liġi favur l-abort, hija kienet tirriżenja minnufiħ għax qalet li din kienet tkun storja għal kollox differenti.

“Dawn kienu l-akbar mumenti ta’ dieqa fil-presidenza tiegħi”

Għaddiet biex tkellmet dwar dawk li sejħet bħala “l-akbar mumenti ta’ dieqa” fil-presidenza tagħha, u fosthom semmiet l-inċident ta’ Paqpaqli u l-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.