L-Italja żżid ir-restrizzjonijiet għal żmien il-Milied

Local business closed during the coronavirus covid-19 quarantine madrid spain
Photo by Anastasiia Chepinska on Unsplash

Read in English.

Numru ta’ pajjiżi qed jagħżlu li jdaħħlu miżuri aktar ristrettivi dwar il-Covid-19 matul żmien il-Milied, bil-gvern Taljan jagħżel li jikklassifika l-pajjiż kollu bħala “żona ħamra” matul il-festi.

Il-miżuri Taljani, li ġew imħabbra mill-Prim Ministru Antonio Conte nhar il-Ġimgħa bil-lejl, se jidħlu fis-seħħ nhar it-Tnejn.  L-Italja kienet qed tikklassifika r-reġjuni tagħha fi tlett kategoriji – isfar, oranġjo u aħmar – skont l-imxija tal-Covid-19, u l-ebda reġjun ma kien żona ħamra din il-ġimgħa. Però il-pajjiż kollu se jkun taħt din ir-restrizzjoni min-nhar it-Tnejn sal-Epifanija.

Minkejja dan, ir-restrizzjonijiet se jitnaqqsu għal ftit barra mill-festi ewlenin: il-pajjiż kollu se jitqies żona oranġjo bejn it-28 u t-30 ta’ Diċembru u fl-4 ta’ Jannar. F’dawn il-perjodi, kulħadd għandu jibqa’ fil-lokalità fejn jgħix, però ikun hemm anqas restrizzjonjiet fuq ħruġ u ħafna ħwienet – apparti bars u ristoranti – jkunu jistgħu jiftħu.

Conte spjega li r-restrizzjonijiet daħlu peress li kien hemm biża li l-imxija tal-Covid-19 tiżdied minħabba l-festi. Ħabbar ukoll li se jitqassmu madwar €645 miljun bħala appoġġ lill-bars u r-ristoranti magħluqa.

L-Italja mhux l-uniku pajjiż li qed idaħħal restrizzjonijiet ġodda għal żmien il-Milied, bl-Olanda timponi lockdown ta’ 5 ġimgħat fejn ħwienet meqjusa essenzjali biss jistgħu jibqgħu miftuħa. L-iskejjel ukoll sfaw magħluqa.

Fi Franza, fejn il-President Emmanuel Macron irriżulta pożittiv għall-Covid-19, ġie mħabbar curfew li se jopera mit-8.00pm sas-6.00am. Il-curfew se jispiċċa fl-24 ta’ Diċembru, biex jiffaċilita ċ-ċelebrazzjonijiet tal-Milied li se jkunu ristretti għal massimu ta’ sitt adulti.