L-Italja żżid aktar pajjiżi għal testijiet mandatorji

masks Italy

L-Italja se teżiġi li kull minn jasal mir-Renju Unit, in-Netherlands, il-Belġju u r-Repubblika Ċeka jagħmel it-test għall-COVID-19 mal-wasla fil-pajjiż. Dan ħabbru l-Ministru għas-Saħħa, Roberto Speranza nhar l-Erbgħa, wara tħassib dejjem jikber rigward iż-żieda fil-każijiet madwar l-Ewropa.

“Id-data dwar l-infezzjoni qed tiżdied madwar l-Ewropa kollha, u fl-Ewropa wkoll,” Speranza kiteb fuq Facebook.

“Jien iffirmajt ordni li tobbliga lill-vjaġġaturi li jaslu mill-Belġju, min-Netherlands, mir-Renju Unit u mir-Repubblika Ċeka li jagħmlu t-test meta jaslu fl-Italja,” żied jgħid.

Intant, l-Italja ordnat li huwa obbligatorju li jintlibsu l-maskli tal-wiċċ anke barra madwar il-pajjiż kollu, fi sforz biex titwaqqaf il-firxa tal-virus, hekk kif l-għadd ta’ infezzjonijiet ġodda tela’ għall-ogħla ammont minn April.

L-ordni kienet approvata matul laqgħa tal-kabinett wara żieda kontinwa fil-każijiet matul dawn l-aħħar xaharejn. Probabbilment se tidħol fis-seħħ minn nhar il-Ħamis, skont uffiċjal tal-gvern.

F’diversi reġjuni Taljani, inkluż Lazio, madwar il-belt kapitali Ruma, diġà kien obbligatorju li jintlibsu l-maskli tal-wiċċ.

Data mill-Ministeru għas-Saħħa turi li kien hemm 3,678 każ irrappurtat fl-aħħar 24 siegħa, mqabbla ma’ 2,677 nhar it-Tlieta, l-ewwel darba li l-għadd reġa’ qabeż it-3,000 persuna mill-24 ta’ April.

L-Italja għadha qed tirreġistra ħafna anqas każijiet ta’ kuljum minn pajjiżi Ewropej oħra, bħal Franza, Spanja u l-Ingilterra.

L-Italja kienet l-ewwel pajjiż fl-Ewropa li ntlaqat tassew ħażin minn COVID-19 u għandha t-tieni l-ogħla rata ta’ mwiet fuq il-kontinent wara l-Ingilterra, fejn mietu 36,061 persuna minn meta faqqgħet il-pandemija fi Frar, skont ċifri uffiċjali.

Bis-saħħa ta’ wieħed mil-lockdowns l-aktar stretti fid-dinja, il-gvern irnexxielu jikkontrolla l-firxa tal-virus sas-sajf, imma r-rata tal-infezzjonijiet reġgħet qed tiżdied.

Madankollu, l-għadd ta’ mwiet relatati mal-COVID għadhom baxxi ħafna meta mqabbla mal-ewwel mewġa tal-epidemija fl-Italja sitt xhur ilu.

Madwar 31 persuna mietu minħabba l-virus nhar l-Erbgħa, skont il-Ministru għas-Saħħa, filwaqt li fl-24 ta’ April ġew irreġistrati aktar minn 3,000 każ u 420 persuna tilfu ħajjithom.

Nhar l-Erbgħa l-kabinett approva wkoll ordni biex jiġi estiż l-istat ta’ emerġenza tal-COVID-19 sal-31 ta’ Jannar.

L-istat ta’ emerġenza, li oriġinarjament kellu jieqaf f’nofs Ottubru, jagħti setgħat akbar lill-gvern ċentrali, u jagħmilha aktar faċli għall-uffiċjali biex jegħlbu l-burokrazija li toħnoq ħafna mill-proċess għat-teħid ta’ deċiżjonijiet fl-Italja.