L-Italja trid ftehim Ewropew dwar restrizzjonijiet matul il-festi

A-middle-aged-Italian-couple-wearing-face-masks-stroll-along-the-main-street-in-the-town-of-Rieti-Italy-Gabriella-Clare-Marino-coronavirus1

Il-Gvern Taljan irid li jintlaħaq ftehim fuq livell Ewropew biex ikun hemm uniformità fuq il-miżuri restrittivi li għandhom japplikaw matul il-vaganzi tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena. 

Madnakollu, il-Prim Ministru Conte għamilha ċara li se jkun hemm restrizzjonijiet fuq iċ-ċaqliq tal-persuni f’dawk id-dati, u projbizzjoni fuq ċelebrazzjonijiet fil-pjazez. Dwar l-ikliet fil-familja, il-Gvern qed jikkunsidra li jippermetti li jinġabru flimkien sitta sa massimu ta’ tmienja min-nies. Jidher li kull moviment bejn reġjun u ieħor fil-pajjiż se jibqa’ eskluż matul Diċembru.

L-għan ewlieni tal-Gvern Taljan huwa li jevita l-iżbalji li saru fis-Sajf wara li kienu naqsu l-każijiet ta’ Covid-19. Fl-istess waqt, Conte ma jixtieqx li l-isforzi li qed isiru jispiċċaw fix-xejn minħabba d-deċiżjonijiet ta’ pajjiżi oħra – dan b’rabta partikolament mal-għeluq taċ-ċentri tal-iski, fis-sens li jekk pajjiżi oħra jieħdu deċiżjonijiet differenti tkun daqqa wisq akbar għall-ekonomija li diġà tinsab għarkubbtejha.

Dwar il-kunċett ta’ koordinament Ewropew, Conte tkellem mal-President tal-Kummissjoni Ursula Von der Leyen f’telefonata li fiha, skont il-Prim Ministru kien hemm qsim ta’ opinjonijiet dwar dan u temi oħrajn. Dwar dan, l-Italja diġà kisbet l-appoġġ ta’ Franza bil-President Macron jiddefinixxi bħala “impossibbli” il-ftuħ tad-destinazzjonijiet popolari fil-muntanji.

Madankollu, se jkun diffiċli ferm li jintlaħaq ftehim wiesa’, hekk kif il-Ministru tat-Turiżmu tal-Awstrija Elisabeth Koestinger sostniet li “ma nistax naqbel mal-inizjattiva Taljana.” Hija nsistiet li “fl-Awstrija se jkun hemm element ta’ turiżmu xitwi hekk kif l-operaturi tagħna se jirrispettaw protokoll wiesa’ ta’ sigurtà”. 

Intant, il-Gvern Taljan qed jaħdem fuq avviż legali ġdid b’żewġ oġġettivi, dak li jagħti nifs lill-ekonomija fil-ġimgħat ta’ qabel il-Milied iżda fl-istess waqt li jkun evitat ħafna ċaqliq ta’ persuni matul l-eqqel tal-festi.

Diskussjoni oħra importanti tibqa’ dik dwar il-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel hekk kif numru ta’ Ministri huma favur li jerġgħu lura wara l-bankijiet anke qabel il-Milied. Dan jista’ jkun possibbli hekk kif issa anke l-esperti tas-saħħa qed jaċċettaw li r-riskji huma limitati. 

Fi kliem Franco Locatelli, President tal-Kunsill Superjuri tas-Saħħa l-iskola “tikkontribwixxi b’mod assolutament marġinali għat-tixrid tal-vajrus”. Anke l-Ministru tas-Saħħa, Roberto Speranza, insista li l-“ftuħ tal-iskejjel huwa priorità”. Fil-ġranet li ġejjin hi mistennija laqgħa bejn is-Sindki tal-għaxar bliet metropolitani, li jirrappreżentaw terz tal-popolazzjoni tal-pajjiż biex jiddiskutu l-pass li jmiss f’dan is-sens, bid-9 ta’ Diċembru tissemma’ bħala l-ewwel waħda possibbli.

L-istess Ministru qal li qabel jittieħdu deċiżjonijiet ġodda trid tkun osservata l-evoluzzjoni tal-vajrus fil-ġimgħat li ġejjin, iżda reġa’ wissa għall-kawtela fost il-popolazzjoni. Huma insista li biex il-vajrus jingħeleb il-pubbliku ried jevita li jiċċaqlaq minn post għall-ieħor sakemm ma jkunx assolutament meħtieġ. Appella wkoll biex il-kuntatti ma’ persuni oħra jinżammu limitati kemm jista’ jkun.