L-Italja tkompli żżid iż-żoni l-ħomor minħabba l-firxa tal-virus

A-middle-aged-Italian-couple-wearing-face-masks-stroll-along-the-main-street-in-the-town-of-Rieti-Italy-Gabriella-Clare-Marino-coronavirus1

L-Italja kompliet iżżid reġjuni mal-lista taż-żoni l-ħomor hekk kif il-każi fil-pajjiż laħqu rekord ġdid.

Ir-reġjuni ta’ Kampanja u Toskana se jkunu qed jiżdiedu ma’ reġjuni oħrajn taħt miżuri ta’ lockdown strett propju minn għada. L-awtoritajiet ta’ Kampanja, fejn tinsab il-belt ta’ Napli, wissew li s-sistema tas-saħħa fir-reġjuni tinsab fi stat ħażin.

It-tħabbira tal-bieraħ ġiet hekk kif l-Italja kkonfermat 40,902 infezzjonijiet ġodda f’ġurnata. Dan hu l-akbar ammont li qatt ra l-pajjiż f’jum wieħed. Aktar kmieni din il-ġimgħa, l-Italja qabżet il-miljun każ misjub fil-pajjiż u s’issa mietu 44,000 kawża tal-virus.

Il-konsulent tal-gvern b’rabta mal-coronavirus, Walter Riccardi, qal lill-ġurnalisti li l-pajjiż għandu bejn ġimgħatejn u tliet ġimgħat biex jiddeċiedi jekk jimponix lockdown nazzjonali ieħor jew le.

Aktar kmieni din is-sena, l-Italja tlaqqmet bħala l-epiċentru tal-pandemija fl-Ewropa. Il-pajjiż ikkontrolla l-firxa billi impona lockdown nazzjonali iebes. Ir-restrizzjonijiet tneħħew b’mod gradwali meta l-każi bdew jonqsu, iżda matul il-ġimgħa li għaddiet, il-pajjiż intlaqat mit-tieni mewġa tal-virus u beda l-proċess ta’ introduzzjoni ta’ miżuri ġodda.

Ir-reġjuni fl-Italja qed jitqassmu fi tliet żoni: aħmar għal dawk ta’ riskju għoli, imbagħad oranġjo u isfar. Ir-reġjuni ta’ riskju għoli huma l-Lombardija, Bolzano, Piedmont, Aosta u Kalabrija. Ir-residenti jistgħu biss joħorġu mid-dar għax-xogħol, raġunijiet ta’ saħħa, emerġenzi u xiri essenzjali. Il-ħwienet kollha meqjusin mhux essenzjali jinsabu magħluqa.