L-Italja: tinvesti €25 biljun biex tiġġieled il-pandemija

Day six of Italy's nationwide coronavirus lockdown, in Turin

Il-gvern Taljan ħabbar aktar kmieni llum li qed jippjana li jonfoq mal-€25 biljun biex jiġġieled il-pandemija li ħakmet il-pajjiż u jgħin l-ekonomija.

Il-flus se jintużaw biex iħaddmu aktar tobba u infermiera fl-isptarijiet fejn hemm bżonn u biex ikunu provduti inċentivi legali u ekonomiċi għan-negozji li jipproduċu apparat mediku.

Il-borża ta’ flus se tintużaw wkoll biex tingħata spinta lill-ekonomija tal-pajjiż billi tpoġġi moratorju kemm fuq in-negozji kif ukoll fuq il-ħlas lura ta’ ipoteki personali. Se jiġu diferiti l-ħlasijiet tat-taxxa u tal-kontijiet u tipprovdi appoġġ ekonomiku lill-ħaddiema kollha li qed jiffaċċjaw sensji temporanji.

Il-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte qal li l-Italja hija l-ewwel pajjiż li investiet €25 biljun f’sapport għas-sistema ekonomika tal-pajjiż.

L-Italja li hija l-aktar pajjiż li ntlaqat ħażin mill-coronavirus fl-Ewropa għandu madwar 25,000 każ ikkonfermat u 1,809 mwiet.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn