L-Italja tikkunsidra akkużi kontra Malta li rrifjutat issalva l-immigranti – rapport

Read in English.

Uffiċjali Maltin qegħdin f’riskju li jaffaċċjaw akkużi mill-Qrati Taljani wara li membri tal-Forzi Armati ta’ Malta rrifjutaw li jsalvaw immigranti f’ibħra Maltin.

Skont rapport fis-sit The Guardian, l-Italja ikkonfermat li l-AFM keċċiet dgħajsa tal-immigranti bit-theddid tal-użu tal-armi tan-nar. Dan wara li l-AFM tathom il-fuel u dettalji tal-GPS dwar kif għandhom jaslu l-Italja.

Malta taħt investigazzjoni

The Guardian qal li Malta tinsab taħt investigazzjoni mill-Pulizija ta’ Sqallija. L-uffiċċju tal-prosekutur Taljan jista’ jiftaħ investigazzjoni dwar Malta fil-jiem li ġejjin. Uffiċjali Maltin jistgħu jiġu akkużati li ffaċilitaw l-immigrazzjoni llegali.

Il-Gvern Taljan qal li sfortunatament din ma kinitx l-ewwel darba li Malta għamlet xi ħaġa bħal din. Akkuża lill-awtoritajiet Maltin li sikwit jaħarbu mill-obbligi tagħhom skont il-liġi internazzjonali dwar is-salvataġġ fil-baħar.

The Guardian għamel kuntatt mal-Gvern Malti u mal-AFM għall-kummenti tagħhom.

Aktar kmieni dan ix-xahar, investigazzjoni konġunta bejn is-sit tal-midja Kattolika Taljana L’AVVENIRE u l-ġurnal Ingliż The Guardian allegat li l-Forzi Armati ta’ Malta l-ewwel heddet lill-immigranti abbord dgħajsa fiż-żona ta’ tiftix u salvataġġ Maltija li kienet se toħodhom lura l-Libja, imbagħad għadditilhom il-petrol u magna biex imorru l-Italja.