L-Italja tibda ttestjar tad-demm biex tara min diġà ntlaqat bil-Covid-19

FILE PHOTO: REUTERS/Flavio Lo Scalzo

Nhar il-Ħamis, f’dikjarazzjoni quddiem il-Parlament, il-Kap tal-Kumitat Xjentifiku tal-Gvern qal li l-ġimgħa d-dieħla fl-Italja se jibdew isiru testijiet fuq kampjun rappreżentattiv ta’ 150,000 persuna f’2,000 belt differenti biex jiġi mifhum l-estent tal-epidemija tal-Covid-19 fil-pajjiż.

L-Italja kellha aktar minn 222,000 każ ikkonfermat ta’ coronavirus u aktar minn 31,000 persuna tilfu ħajjithom mill-21 ta’ Frar meta l-pandemija faqqgħet fil-pajjiż. Il-parti l-kbira minnhom kienu fir-reġjuni tat-Tramuntana tal-pajjiż, filwaqt li l-bliet fin-Nofsinhar ma tantx kienu milquta.

L-Italja kienet l-ewwel pajjiż Ewropew li stabbilixxa lockdown nazzjonali f’Marzu biex jipprova jikkontrolla l-firxa tal-marda. Il-ġimgħa l-oħra bdew jiġu llaxkati wħud mir-restrizzjonijiet.

“Dan il-programm ta’ ttestjar se jinvolvi kampjun sinifikanti ta’ ċittadini u se jippermettilna li nifhmu l-firxa nazzjonali tal-virus,” qal Agostino Miozzo, il-kap tal-kumitat xjentifiku.

Lejn l-aħħar ta’ April, il-Gvern ħabbar li kien għażel lill-kumpanija tas-saħħa Amerikana Abbott Laboratories biex tipprovdi l-kitts għall-ittestjar tal-kampjuni tad-demm, imħejjija mill-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika, ISTAT, biex jirrappreżenta l-popolazzjoni globali.

Il-quċċata tal-epidemija fl-Italja bdiet tonqos lejn l-aħħar ta’ Marzu, imma l-pajjiż għadu qed jirreġistra mijiet ta’ każijiet ġodda u mwiet kuljum, u l-esperti huma mħassba li l-għadd ta’ infezzjonijiet jista’ jerġa’ jibda jiżdied issa li qed jintreħa l-lockdown.

“Resqin lejn normalità relattiva, imma aħna dejjem imħassbin u nkwetati dwar is-sitwazzjoni, u nosservaw l-indiċi tat-tixrid tal-marda bħal seqer,” qal Miozzo.

Qabel inbdiet il-kampanja nazzjonali ta’ ttestjar, diversi reġjuni Taljani kif ukoll xi kumpaniji kbar ħadu azzjoni immedjata u bdew jittestjaw liċ-ċittadini u lill-impjegati tagħhom indipendentement.

Huma biss l-Istati Uniti u l-Ingilterra li s’issa rreġistraw aktar imwiet minħabba l-coronavirus mill-Italja, imma l-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika ISTAT wissa li l-għadd ta’ mwiet fil-pajjiż probabbli li huwa ħafna akbar minn dak irrappurtat uffiċjalment.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn