L-Italja tikkonfiska miljuni ta’ assi minn kumpanija Maltija – rapport

guardia

L-Awtoritajiet Taljani ikkonfiskaw aktar minn €20 miljun f’assi minn kumpanija Maltija tal-logħob tal-ażżard onlajn skont il-Proġett dwar ir-Rappurtaġġ tal-Kriminalità Organizzata u l-Korruzzjoni (OCCRP).
L-OCCRP qalet li l-assi ttieħdu minn grupp li qed jiġi akkużat li kien qed jopera f’isem l-‘Ndrangheta, grupp ta’ kriminalità organizzata bbażat f’Calabria l-Italja.
Il-Pulizija Taljana tal-Finanzi ikkonfiskat il-kumpanija Maltija Centurionbet, u seba’ bars u ħwienet tal-logħob f’Calabria.
F’Mejju tal-2017, il-Pulizija Taljana kienet diġà arrestat lis-suspettat sid ta’ Centurionbet Francesco Martiradonna. Martiradonna jiċħad li għamel xi ħaġa ħażina.
Il-Qorti u l-awtoritajiet Taljani huma mħassba għan-nuqqas ta’ azzjoni u infurzar tar-regoli min-naħa tal-Awtorità Maltija għall-Gaming (MGA) fuq kumpaniji tal-gaming ibbażati f’Malta, li wasslu biex il-pajjiż isir “speċi ta’ ATM għall-mafja Taljana”. 
Din id-dikjarazzjoni ħarġu biha żewġ ġurnalisti Taljani, Matteo Civillini Cecilia Anesi li jiffurmaw parti mill-Investigative Reporting Project Italy (IRPI), li hu parti mill-konsorzju ta’ ġurnalisti f’The Daphne Project, li qed ikomplu bl-istejjer tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia.
Wara investigazzjoni mill-awtoritajiet Taljani f’das-settur, bl-isem ta’ Game Over, l-MGA kienet bdiet tisspospendi l-liċenzja ta’ bosta operaturi f’Malta.
Hemm il-każ ukoll tal-kumpanija BET1128. Il-prosekuturi Taljani kellhom suspett li kellha rabtiet fondi mal-kriminalità organizzata fin-Nofsinhar tal-Italja. Il-kumpanija ġiet Malta wara li r-Renju Unit neħħielha l-liċenzja minħabba l-investigazzjoni Game Over. Jidher li Centurionbet, il-kumpanija omm ta’ BET1128, ġabet il-liċenzja bla xkiel f’Malta, minkejja l-allegazzjonijiet.
L-MGA aktar tard issospendiet il-platforms onlajn ta’ Centurionbet, iżda l-pass ma kienx wieħed ta’ infurzar, u l-assi tagħha baqgħu attivi.
Il-Qorti Taljana kienet talbet lill-Avukat Ġenerali ta’ Malta biex jaħtaf l-assi tal-kumpanija, u l-avviż kien immarkat bħala wieħed urġenti. Madankollu l-ġurnalisti Taljani qed jirrappurtaw li ġimgħat wara dan l-avviż, l-awtoritajiet Maltin m’għamlu xejn.
Min-naħa tal-MGA, kelliem qal lill-ġurnalisti li hemm strutturi li jagħmluha itqal għall-awtorità biex tagħraf min hu l-benefiċjarju ewlieni ta’ kumpanija.
Il-ġurnalisti rrappurtaw li l-prosekutur ewlieni ta’ kontra l-mafja f’Catanzaro qal li aktar faċli jikkomunikaw mal-awtoritajiet fil-Perù jew il-Kolombja, milli ma’ dawk Maltin.
Ritratt: Guardia di Finanza