L-Italja ssalva 67 persuna

Read in English.

67 persuna li qed ifittxu l-ażil ġew salvati mill-Guadia Costiera Taljana. Il-grupp ta’ persuni ntlemħu abbord dgħajsa tal-injam li kienet fl-ibħra territorjali tal-Italja madwar 12-il mil nawtiku ‘l barra minn Lampedusa.

Il-ħidma saret mill-Guardia Costiera Taljana b’mod konġunt mal-aġenzija tal-infurzar tal-liġi l-Guardia di Finanza.

Il-Guardia Costiera Taljana qalet li uħud mill-immigranti qabżu ‘l baħar hekk kif raw id-dgħajes navali Taljani. Il-persuni ġew salvati immedjatament. Il-grupp kollu ttieħed lejn Lampedusa.

L-NGO Alarm Phone kienet bagħtet notifika lill-awtoritajiet Taljani li dgħajsa li kienet qed iġġorr lil dawn il-persuni kienet waslet fiż-żona ta’ tiftix u salvataġġ Taljana. Id-dgħajsa kellha xi ħsarat fil-magna u għalhekk l-immigranti abbord kien jeħtiġilhom l-għajnuna.

Intant, grupp ta’ 57 persuna jinstabu bejn sema u ilma abbord id-dgħajsa tal-Captain Morgan li nkriet biex iżżomm lill-immigranti madwar 13-il mil nawtiku ‘l barra minn Malta.